Aqbeż għall-kontentut

Demokrazija

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Parthenon ta' Ateni jitqies bħala simbolu tad-demokrazija.

Id-demokrazija hija forma ta' governanza li permezz tagħha l-poter politiku jinkiseb min-nies jew mill-popolazzjoni ta' stat.[1][2][3] Skont definizzjoni minimalista tad-demokrazija, il-mexxejja jiġu eletti permezz ta' elezzjonijiet kompetittivi filwaqt li d-definizzjonijiet iktar wesgħin jew massimalisti jorbtu d-demokrazija mal-garanziji tal-libertajiet ċivili u d-drittijiet tal-bniedem apparti l-elezzjonijiet kompetittivi.[4][5]

F'demokrazija diretta, il-poplu jkollu l-awtorità diretta li jagħmel deliberazzjonijiet u li jiddeċiedi dwar il-leġiżlazzjoni. F'demokrazija rappreżentattiva, il-poplu jagħżel l-uffiċjali tal-governanza permezz ta' elezzjonijiet. Id-definizzjoni ta' "poplu" u l-modi kif l-awtorità tiġi kondiviża fi ħdan il-poplu jew iddelegata minnu nbidlu mal-milja taż-żminijiet u b'rati li jvarjaw minn pajjiż għal ieħor. Il-karatteristiċi tad-demokrazija spiss jinkludu l-libertà tal-ġemgħa, il-libertà tal-assoċjazzjoni, il-proprjetà personali, il-libertà tar-reliġjon u tal-kelma, iċ-ċittadinanza, il-kunsens ta' dawk li jiġu ggvernati, id-drittijiet tal-votazzjoni, il-libertà miċ-ċaħda governattiva mhux ġustifikata tad-dritt tal-ħajja u tal-libertà, u d-drittijiet tal-minoranzi.[6]

In-nozzjoni tad-demokrazija evolviet b'mod konsiderevoli maż-żmien. Matul l-istorja, wieħed jista' jsib evidenza ta' demokrazija diretta, fejn il-komunitajiet kienu jieħdu deċiżjonijiet permezz ta' ġemgħat popolari. Illum il-ġurnata, il-forma dominanti tad-demokrazija hija d-demokrazija rappreżentattiva, fejn iċ-ċittadini jeleġġu lill-uffiċjali tal-gvern biex jiggvernaw f'isimhom, pereżempju f'demokrazija parlamentari jew presidenzjali. Fil-varjant komuni tad-demokrazija liberali, is-setgħat tal-maġġoranza jiġu eżerċitati fi ħdan il-qafas ta' demokrazija rappreżentattiva, iżda l-kostituzzjoni u l-qorti suprema jillimitaw lill-maġġoranza u jipproteġu lill-minoranzi — normalment billi jiġi żgurat li kulħadd igawdi minn ċerti drittijiet tal-individwu, bħal-libertà tal-kelma jew il-libertà tal-assoċjazzjoni.

It-terminu tfaċċa fis-seklu 5 Q.K. fil-bliet-stati Griegi, b'mod partikolari f'Ateni Klassika, u kien ifisser "it-tmexxija tal-poplu", b'kuntrast mal-aristokrazija (bil-Grieg: ἀριστοκρατία, aristokratía), li tfisser "it-tmexxija tal-elit". Prattikament fil-gvernijiet demokratiċi kollha tul l-istorja tal-qedem u moderna, iċ-ċittadinanza demokratika inizjalment kienet ristretta għal klassi tal-elit, li iktar 'il quddiem ġiet estiża għaċ-ċittadini adulti kollha. Fil-biċċa l-kbira tad-demokraziji moderni, dan inkiseb permezz tal-movimenti tas-suffraġju tas-sekli 19 u 20.

Id-demokrazija tikkuntrasta mal-forom ta' governanza fejn il-poter ma jinbitx mill-popolazzjoni ġenerali ta' stat, pereżempju s-sistemi awtoritarji. Storikament is-sistemi demokratiċi kienu forma rari u vulnerabbli ta' governanza, iżda dawn saru iktar prevalenti mis-seklu 19 'l hawn, b'mod partikolari permezz ta' diversi mewġiet ta' demokratizzazzjoni. Id-demokrazija għandha leġittimità konsiderevoli fid-dinja moderna, peress li l-opinjoni pubblika fir-reġjuni dinjin normalment huma favur is-sistemi demokratiċi ta' governanza meta mqabbla mal-alternattivi, u peress li saħansitra l-istati awtoritarji jippruvaw ipinġu lilhom infushom bħala demokratiċi. Id-demokrazija b'mod iktar konsistenti tirriżulta f'saħħa, f'edukazzjoni u f'eżiti ekonomiċi mtejba. Skont l-indiċijiet ta' V-Dem Democracy u l-Indiċi tad-Demokrazija ta' The Economist, inqas minn nofs il-popolazzjoni tad-dinja tgħix f'demokrazija mill-2022. Fl-istess ħin, filwaqt li d-demokrazija rappreżentattivi tingħata valur siewi b'mod mifrux, iċ-Ċentru tar-Riċerka ta' Pew sab li l-garr rigward il-prestazzjoni demokratika huwa komuni saħansitra f'bosta demokraziji stabbiliti.[7]

Karatteristiċi

[immodifika | immodifika s-sors]

Għalkemm id-demokrazija fid-demokraziji purament rappreżentattivi hija mifhuma b'rabta mal-votazzjoni, ma jeżisti l-ebda konsensus dwar definizzjoni preċiża tad-demokrazija. Jeżistu wisq approċċi. Kien hemm studju li identifika 2,234 aġġettiv li jintuża għad-deskrizzjoni tad-demokrazija bil-lingwa Ingliża.

Minkejja dan, hemm fehim iktar profond – bħal dak ta' Abraham Lincoln:

"Governanza tan-nies, min-nies, għan-nies"

jew dik ta' Karl Popper li ssostni li l-ħarsa "klassika" lejn id-demokrazija hi, "fil-qosor, it-teorija li d-demokrazija hija t-tmexxija tal-poplu u li l-poplu għandu d-dritt li jiggverna hu.

Il-prinċipji demokratiċi huma riflessi fiċ-ċittadini eliġibbli kollha, ilkoll indaqs quddiem il-liġi u lkoll b'aċċess ugwali għall-proċessi leġiżlattivi.

Pereżempju, f'demokrazija rappreżentattiva, kull vot (fit-teorija) għandu l-istess piż, u l-libertà taċ-ċittadini eliġibbli hija żgurata permezz ta' drittijiet u libertajiet leġittimizzati li tipikament ikunu mnaqqxa f'kostituzzjoni, filwaqt li użi oħra tad-"demokrazija" jaf jħaddnu d-demokrazija diretta, fejn iċ-ċittadini jivvutaw direttament fuq id-diversi kwistjonijiet li jinqalgħu. Skont in-Nazzjonijiet Uniti, id-demokrazija "tipprovdi ambjent li jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u fejn ir-rieda espressa liberament tal-poplu tiġi eżerċitata".

Skont teorija partikolari d-demokrazija tirrikjedi tliet prinċipji fundamentali: il-kontroll 'il fuq (sovranità fl-iżjed livelli baxxi tal-awtorità), l-ugwaljanza politika, u n-normi soċjali li permezz tagħhom l-individwi u l-istituzzjonijiet iqisu biss atti aċċettabbli li jirriflettu l-ewwel żewġ prinċipji tal-kontroll 'il fuq u l-ugwaljanza politika. L-ugwaljanza legali, il-libertà politika u l-istat ta' dritt sikwit jiġu identifikati bħala l-karatteristiċi ewlenin ta' demokrazija li tiffunzjona sew.

F'xi pajjiżi, b'mod partikolari fir-Renju Unit (minn fejn oriġinat is-sistema ta' Westminster), il-prinċipju dominanti hu dak tas-sovranità Parlamentari, filwaqt li tinżamm l-indipendenza ġudizzjarja. Fl-Indja, is-sovranità Parlamentari hija soġġetta għall-Kostituzzjoni tal-Indja li tinkludi rieżami ġudizzjarju. Għalkemm it-terminu "demokrazija" tipikament jintuża fil-kuntest ta' stat politiku, il-prinċipji wkoll huma applikabbli potenzjalment għall-organizzazzjonijiet privati, bħal klabbs, għaqdiet u ditti.

Id-demokraziji jistgħu jużaw bosta metodi differenti ta' teħid tad-deċiżjonijiet, iżda t-tmexxija tal-maġġoranza hija l-forma dominanti. Mingħajr kumpens, bħal protezzjonijiet legali tad-drittijiet tal-individwu jew kollettivi, il-minoranzi politiċi jistgħu jiġu mgħakksa mit-"tirannija tal-maġġoranza". It-tmexxija tal-maġġoranza tinvolvi approċċ kompetittiv, għad-differenza tad-demokrazija tal-konsensus, u b'hekk tinħoloq il-ħtieġa li l-elezzjonijiet, u ġeneralment id-deliberazzjoni, ikunu sostantivament u proċeduralment "ġusti" u ekwi. Fżxi pajjiżi, il-libertà tal-espressjoni politika, il-libertà tal-kelma u l-libertà tal-istampa jitqiesu bħala importanti biex jiġi żgurat li l-votanti jkunu infurmati sew, u b'hekk ikunu jistgħu jivvutaw skont l-interessi u t-twemmin tagħhom stess.

Ġie ssuġġerit ukoll li karatteristika bażika tad-demokrazija hija l-kapaċità li l-votanti kollha jipparteċipaw b'mod ħieles u sħiħ fil-ħajja tas-soċjetà tagħhom. Bl-enfasi fuq in-nozzjonijiet tal-kuntratt soċjali u r-rieda kollettiva tal-votanti kollha, id-demokrazija tista' tkun ikkaratterizzata wkoll bħala forma ta' kollettiviżmu politiku peress li tiġi definita bħala forma ta' governanza fejn iċ-ċittadini eliġibbli kollha jkollhom vuċi ugwali fit-tfassil tal-liġijiet.

Ir-repubbliki, għalkemm spiss ikunu assoċjati popolarment mad-demokrazija minħabba l-prinċipju kondiviż tal-kunsens mogħti minn dawk li jiġu ggvernati għat-tmexxija, mhux neċessarjament ikunu demokraziji, għax ir-repubblikaniżmu ma jispeċifikax kif in-nies għandhom imexxu. Tradizzjonalment it-terminu "repubblika" kien iħaddan kemm id-demokraziji kif ukoll l-aristokraziji u l-varjanti tagħhom. F'sens modern, il-forma ta' governanza repubblikana hija forma ta' governanza mingħajr monarka. Minħabba f'hekk, id-demokraziji jistgħu jkunu repubbliki jew monarkiji kostituzzjonali, bħar-Renju Unit, fejn il-monarka ma jkunx il-mexxej.

Pittura tas-seklu 19 ta' Philipp Foltz li turi lil Pericles jagħti d-diskors funebri famuż tiegħu quddiem il-ġemgħa jew l-assemblea.

Il-ġemgħat demokratiċi għandhom żmien daqs kemm għandha żmien l-ispeċi umana u ilhom jeżistu tul l-istorja umana, iżda sas-seklu 19, il-figuri politiċi ewlenin fil-biċċa l-kbira opponew id-demokrazija. It-teoriċi repubblikani rabtu d-demokrazija ma' daqs ċkejken: iktar ma kienu jikbru fid-daqs l-unitajiet politiċi, iktar kienet tiżdied il-probabbiltà li l-gvern isir tiranniku. Fl-istess waqt, l-unitajiet politiċi żgħar kienu vulnerabbli għall-ħakma. Montesquieu kiteb, "Jekk repubblika tkun żgħira, tinqered minn qawwa barranija; jekk tkun kbira, tinqered mill-imperfezzjoni interna". Skont ix-xjenzat politiku tal-Università ta' Johns Hopkins Daniel Deudney, il-ħolqien tal-Istati Uniti, bid-daqs kbir u s-sistema ta' kontrolli u bilanċi tagħha, kienet soluzzjoni għall-problemi doppji tad-daqs. Fis-soċjetajiet ta' madwar id-dinja seħħew forom ta' demokrazija b'mod organiku li ma kellhom l-ebda kuntatt ma' xulxin.

Bust modern ta' Cleisthenes, magħruf bħala "l-missier tad-demokrazija ta' Ateni".

It-terminu demokrazija tfaċċa għall-ewwel darba fil-ħsieb politiku u filosofiku tal-Greċja Antika fil-belt-stat ta' Ateni fl-antikità klassika. Il-kelma ġejja minn dêmos li tfisser "nies (komuni)" u minn krátos li tfisser "qawwa/setgħa". Taħt Cleisthenes, f'Ateni ġie stabbilit dak li huwa maħsub bħala l-ewwel eżempju ta' tip ta' demokrazija fis-seklu 6 Q.K. (508–507 Q.K.). Cleisthenes huwa meqjus bħala "l-missier tad-demokrazija ta' Ateni". L-ewwel użu attestat tal-kelma demokrazija jinsab fix-xogħlijiet ta' proża tal-ħabta tal-430 Q.K., bħall-Istorji ta' Erodotu, iżda l-użu tagħha kien eqdem b'diversi deċennji, peress li żewġ persuni minn Ateni li twieldu għall-ħabta tal-470 Q.K. kien jisimhom Democrates, isem politiku ġdid — x'aktarx b'appoġġ għad-demokrazija — li ngħata fi żmien ta' dibattiti dwar kwistjonijiet kostituzzjonali f'Ateni. Aeschylus jalludi bis-saħħa wkoll għall-kelma fid-dramm tiegħu Is-Supplikanti, li ttella' għall-ħabta tal-463 Q.K., fejn isemmi "l-id tat-tmexxija tal-kotra" [demou kratousa cheir]. Qabel dak iż-żmien, il-kelma li kienet tiddefinixxi s-sistema politika ġdida ta' Cleisthenes x'aktarx li kienet isonomija, li tfisser ugwaljanza politika.

Id-demokrazija ta' Ateni ħadet is-sura ta' demokrazija diretta, u kellha żewġ karatteristiċi li jiddistingwuha: l-għażla aleatorja ta' ċittadini ordinarji biex jimlew il-ftit karigi amministrattivi u ġudizzjarji eżistenti tal-gvern, u ġemgħa leġiżlattiva li kienet tikkonsisti mill-maġġoranza taċ-ċittadini ta' Ateni. Iċ-ċittadini eliġibbli kollha kienu jitħallew jitkellmu u jivvutaw fil-ġemgħa jew fl-assemblea, fejn kienu jiġu stabbiliti l-liġijiet tal-belt-stat. Madankollu, iċ-ċittadinanza ta' Ateni ma kinitx tingħata lin-nisa, lill-ilsiera, lill-barranin (μέτοικοι / métoikoi), u liż-żgħażagħ taħt l-età tas-servizz militari. Effettivament, resident wieħed minn kull erba' f'Ateni kienu jikkwalifikaw bħala ċittadini. Is-sjieda tal-art ma kinitx rekwiżit għaċ-ċittadinanza. L-esklużjoni ta' partijiet kbar tal-popolazzjoni mill-korp taċ-ċittadini hija marbuta mill-qrib mal-fehim tal-qedem taċ-ċittadinanza. Fil-biċċa l-kbira ta' żmien il-qedem, il-benefiċċju taċ-ċittadinanza kien marbut mal-obbligu tal-ġlied fil-kampanji militari.

Id-demokrazija ta' Aterni mhux biss kienet diretta fis-sens li d-deċiżjonijiet kienu jittieħdu mill-ġemgħa, iżda anke l-iżjed diretta fis-sens li l-ġemgħa permezz tal-istrutturi bħall-assemblea, is-senat u l-qrati legali kienet tikkontrolla l-proċess politiku kollu u proporzjon kbir taċ-ċittadini kienu jkunu involuti b'mod kostanti fl-affarijiet pubbliċi. Minkejja li d-drittijiet tal-individwu ma kinux żgurati mill-kostituzzjoni ta' Ateni fis-sens modern (il-Griegi tal-qedem ma kellhomx kelma għal "drittijiet"), dawk li kienu ċittadini ta' Ateni kienu jgawdu l-libertajiet tagħhom mhux f'oppożizzjoni għall-gvern iżda billi jgħixu f'belt li ma kinitx soġġetta għal xi setgħa oħra u billi huma stess ma kinux soġġetti għat-tmexxija ta' ħaddieħor.

Statwa ta' Atena, id-divinità femminili patruna ta' Ateni, quddiem il-binja tal-Parlament tal-Awstrija. Atena ntużat bħala simbolu internazzjonali tal-libertà u tad-demokrazija mill-inqas mill-aħħar tas-seklu 18.

Il-votazzjoni tfaċċat fi Sparta saħansitra fis-700 Q.K. L-ekkleżjastiċi ta' Sparta kienu ġemgħa tal-poplu, li kienet tiltaqa' darba fix-xahar, fejn kull ċittadini maskili ta' mill-inqas 20 sena seta' jipparteċipa. Fl-assemblea, l-Ispartani kienu jeleġġu l-mexxejja u jixħtu l-voti tagħhom bl-għajjat (il-votazzjoni kienet tiġi deċiża skont l-ikbar għajta tal-folla). Aristotli ddeskriva dan il-metodu bħala "tat-tfal", meta mqabbel mas-sistema tal-votazzjoni fuq poloz tal-ġebel użata miċ-ċittadini ta' Ateni. Sparta adottat din is-sistema minħabba s-sempliċità tagħha, u biex jiġi evitat kull tip ta' preġudizzju, xiri jew qerq fil-votazzjoni, li kienu predominanti fl-elezzjonijiet demokratiċi bikrin.

Barra minn hekk, id-depożizzjoni tar-Renju Ruman ħolqot sistema b'element demokratiku fil-forma ta' bosta ġemgħat popolari differenti.

Minkejja li r-Repubblika Rumana tat kontribut sinifikanti għal bosta aspetti tad-demokrazija, frazzjon biss mir-Rumani kienu ċittadini li kellhom il-vot fl-elezzjonijiet għall-maġistrati. Il-voti tas-setgħana kienu jingħataw iktar piż permezz ta' sistema ta' votazzjoni ponderata, għaldaqstant il-biċċa l-kbira tal-uffiċjali għoljin, inkluż il-membri tas-Senat, kienu jiġu minn ftit familji għonja u nobbli. Il-mudell Ruman ta' governanza ispira bosta ħassieba politiċi tul is-sekli.

Indja tal-qedem

[immodifika | immodifika s-sors]

Vaishali, il-belt kapitali tal-Lega ta' Vajjika (Vrijji mahajanapada) tal-Indja, titqies bħala wieħed mill-ewwel eżempji ta' repubblika għall-ħabta tas-seklu 6 Q.K.

Kulturi oħra, bħall-Iroquois fl-Amerki, żviluppaw ukoll forma ta' soċjetà demokratika bejn l-1450 u l-1660 (u possibbilment fl-1142), ferm qabel ma kellhom kuntatt mal-Ewropej. Din id-demokrazija għadha preżenti sal-lum u hija l-iżjed demokrazija rappreżentattiva antika eżistenti fid-dinja.

Il-Manja Karta.

Filwaqt li l-biċċa l-kbira tar-reġjuni fl-Ewropa matul il-Medju Evu kienu mmexxijin mill-kleru jew minn sinjuri fewdali, kienu jeżistu diversi sistemi li kienu jinvolvu l-elezzjonijiet jew il-ġemgħat, għalkemm spiss kienu jinvolvu parti żgħira mill-popolazzjoni. Fl-Iskandinavja, kien hemm korpi magħrufa ta' nies ħielsa ppreseduti minn kelliem tal-liġi. Dawn il-korpi ta' deliberazzjoni kienu responsabbli għas-soluzzjoni ta' kwistjonijiet politiċi, u xi varjanti kienu jinkludu l-Althing fl-Iżlanda u l-Løgting fil-Gżejjer Faeroe. Il-veche, fil-Lvant tal-Ewropa, kien korp simili għal dawk tal-Iskandinavja. Fil-Knisja Kattolika Rumana, il-Papa ilu jiġi elett minn konklav Papali magħmul mill-kardinali mill-1059. L-ewwel korp Parlamentari ddokumentat fl-Ewropa kien il-Cortes ta' León. Stabbilit minn Alfonso IX fl-1188, il-Cortes kellu l-awtorità għall-iffissar tat-tassazzjoni, għall-affarijiet barranin u għal-leġiżlazzjoni, għalkemm in-natura eżatta tar-rwol tiegħu għadha kkontestata. Ir-Repubblika ta' Ragusa, stabbilita fl-1358 u ċċentrata madwar il-belt ta' Dubrovnik, ipprovdiet drittijiet ta' rappreżentanza u ta' votazzjoni lill-aristokrazija maskili tagħha biss. Diversi bliet-stati u sistemi ta' governanza Taljani kellhom forom ta' governanza repubblikani. Pereżempju, ir-Repubblika ta' Firenze, stabbilita fl-1115, kienet immexxija mis-Signoria u l-membri tagħha kienu jintgħażlu bix-xorti. Fil-Frisja tas-sekli 10–15, soċjetà mhux fewdali distinta, id-dritt tal-votazzjoni dwar kwistjonijiet lokali u dwar l-uffiċjali tal-kontea kien ibbażat fuq id-daqs tal-art. Il-Kouroukan Fouga qasam l-Imperu tal-Mali fi klans tat-tmexxija li kienu rrappreżentati f'ġemgħa kbira msejħa l-Gbara. Madankollu, id-dokument wassal biex il-Mali jkun iktar simili għal monarkija kostituzzjonali milli repubblika demokratika.

Il-Parlament tal-Ingilterra kellu l-għeruq tiegħu fir-restrizzjonijiet tal-poter tar-rejiet miktubin fil-Magna Carta (1215), li b'mod espliċitu ħarset ċerti drittijiet tas-sudditi tar-Re u b'mod impliċitu appoġġat dak li mbagħad sar id-digriet Ingliż tal-habeas corpus, li jissalvagwardja l-libertà individwali mill-ħabs illegali u li jagħti d-dritt tal-appell. L-ewwel assemblea nazzjonali rappreżentattiva fl-Ingilterra kienet il-Parlament ta' Simon de Montfort fl-1265. Il-preżenza tat-tressiq tal-petizzjonijiet hija fost l-iżjed evidenza bikrija tal-użu tal-Parlament bħala forum biex jiġi indirizzat it-tħassib ġenerali tan-nies ordinarji. Madankollu, is-setgħa tas-sejħa tal-Parlament baqgħet f'idejn il-monarka.

Xi studji kkollegaw l-istabbiliment tal-istituzzjonijiet Parlamentari fl-Ewropa matul il-Medju Evu mal-agglomerazzjonijiet urbani u mal-ħolqien ta' klassijiet ġodda, bħall-artiġjani, kif ukoll mal-preżenza tan-nobbli u tal-eliti reliġjużi. L-istudjużi kkollegaw ukoll l-istabbiliment tal-governanza rappreżentattiva mal-frammentazzjoni politika relattiva tal-Ewropa. Ix-xjenzat politiku David Stasavage jikkollega l-frammentazzjoni tal-Ewropa, u d-demokratizzazzjoni sussegwenti tagħha, mal-mod kif sfaxxa l-Imperu Ruman: it-territorju Ruman inħakem minn gruppi frammentati żgħar ta' tribujiet Ġermaniċi, u dan wassal għall-ħolqien ta' unitajiet politiċi żgħar fejn il-mexxejja kienu relattivament dgħajfin u kienu jeħtieġu l-kunsens taċ-ċittadini tagħhom biex jifilħu għat-theddidiet barranin.

Fil-Polonja, id-demokrazija nobbli kienet ikkaratterizzata minn żieda fl-attività tan-nobbiltà nofsanija, li riedet iżżid is-sehem tagħha fl-eżerċitar tal-poter għas-spejjeż tal-manjati. Il-manjati ddominaw l-iżjed karigi importanti fl-istat (lajċi u ekkleżjastiċi) u kienu jinġabru fil-kunsill irjali, li iktar 'il quddiem sar is-senat. L-importanza dejjem tikber tan-nobbiltà nofsanija kellha impatt fuq l-istabbiliment tal-istituzzjoni tal-art magħrufa bħala s-sejmik (assemblea lokali), li sussegwentement kisbet iktar drittijiet. Matul is-seklu 15 u l-ewwel nofs tas-seklu 16, is-sejmiks ingħataw iktar u iktar poter u saru l-iżjed istituzzjonijiet importanti tal-poter lokali. Fl-1454, Casimir IV Jagiellon ta lis-sejmiks id-dritt li jiddeċiedu dwar it-taxxi u li jorganizzaw mobilizzazzjoni tal-massa fl-Istatuti ta' Nieszawa. Huwa wiegħed ukoll li ma kienx se joħloq liġijiet ġodda mingħajr il-kunsens tagħhom.

Perjodu modern bikri

[immodifika | immodifika s-sors]
Matul is-sekli, il-Parlament Ingliż kulma jmur illimita l-poter tal-monarkija Ingliża, proċess li x'aktarx li laħaq il-qofol tiegħu fil-Gwerra Ċivili Ingliża.

Fl-Ingilterra tas-seklu 17, kien hemm interess imġedded fil-Manja Karta. Il-Parlament tal-Ingilterra għadda l-Petizzjoni tad-Drittijiet fl-1628 li stabbiliet ċerti libertajiet għas-sudditi. Il-Gwerra Ċivili Ingliża (1642–1651) ġiet miġġielda bejn ir-Re u Parlament oligarkiku iżda elett, u matul dan iż-żmien iffurmat l-idea ta' partit politiku, bi gruppi jiddibattu d-drittijiet għar-rappreżentanza politika matul id-Dibattiti ta' Putney tal-1647. Sussegwentement, il-Protettorat (1653–59) u l-Integrazzjoni mill-Ġdid Ingliża (1660) integraw iktar tmexxija awtokratika, għalkemm il-Parlament għadda l-Att dwar il-Habeas Corpus fl-1679 li saħħaħ il-konvenzjoni li pprojbixxiet id-detenzjoni mingħajr biżżejjed raġunijiet jew evidenza. Wara r-Rivoluzzjoni Glorjuża tal-1688, il-Liġi tad-Drittijiet ġiet ippromulgata fl-1689 u din ikkodifikat ċerti drittijiet u libertajiet u għadha fis-seħħ. Il-liġi stabbiliet ir-rekwiżiti li jsiru elezzjonijiet regolari, ir-regoli għal-libertà tal-kelma fil-Parlament u limitat il-poter tal-monarka, u b'hekk żgurat, għad-differenza tal-biċċa l-kbira tal-Ewropa ta' dak iż-żmien, li l-assolutiżmu rjali ma jipprevalix. L-istoriċi ekonomiċi Douglass North u Barry Weingast ikkaratterizzaw l-istituzzjonijiet implimentati fir-Rivoluzzjoni Glorjuża bħala suċċess kbir f'termini tar-restrizzjonijiet tal-governanza u l-iżgurar tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà.

John Locke espanda t-teorija tal-kuntratt soċjali ta' Thomas Hobbes u żviluppa l-kunċett tad-drittijiet naturali, id-dritt tal-proprjetà privata u l-prinċipju ta' kunsens tal-iggvernati. L-ideat tiegħu jiffurmaw il-bażi ideoloġika tad-demokraziji liberali moderni.

L-interess imġedded fil-Manja Karta, il-Gwerra Ċivili Ingliża, u r-Rivoluzzjoni Glorjuża fis-seklu 17 xprunaw it-tkabbir ta' filosofija politika fil-Gżejjer Brittaniċi. Thomas Hobbes kien l-ewwel filosfu li fassal teorija dettaljata dwar il-kuntratt soċjali. Fil-Leviathan (1651), Hobbes ħareġ bit-teorija li l-individwi li jgħixu fin-natura kienu jgħixu ħajja "solitarja, fqira, kerha, iebsa u qasira" u kienu jagħmlu gwerer kontinwi kontra kulħadd. Sabiex tiġi evitata l-okkorrenza tal-istat anarkiku tan-natura, Hobbes irraġuna li l-individwi kienu jċedu d-drittijiet tagħhom lil qawwa awtoritarja setgħana. Fi kliem ieħor, Hobbes tkellem favur monarkija assoluta, li fl-opinjoni tiegħu kienet l-aqwa forma ta' governanza. Iktar 'il quddiem, il-filosfu u t-tabib John Locke ħareġ b'interpretazzjoni differenti dwar it-teorija tal-kuntratt soċjali. Fiż-Żewġ Trattati tal-Governanza (1689) tiegħu, Locke sostna li l-individwi kollha kellhom id-drittijiet inaljenabbli għall-ħajja, għal-libertà u għall-proprjetà. Skont Locke, l-individwi kienu jinġabru volontarjament flimkien biex jiffurmaw stat bl-għan li jiddefendu drittijiethom. Għal Locke kienu partikolarment importanti d-drittijiet tal-proprjetà, li skont Locke kienu jirrikjedu l-ħarsien, li kien l-iskop primarju tal-gvern. Barra minn hekk, Locke sostna li l-gvernijiet kienu leġittimi biss jekk kellhom il-kunsens ta' dawk li kienu ggvernati. Skont Locke, iċ-ċittadini kellhom id-dritt jirribellaw kontra l-gvern jekk dan kien jaġixxi kontra l-interessi tagħhom jew isir tiranniku. Għalkemm ma tantx kienu moqrija matul ħajtu, ix-xogħlijiet ta' Locke jitqiesu bħala d-dokumenti li jsejsu l-ħsieb liberali u influwenzaw ferm il-mexxejja tar-Rivoluzzjoni Amerikana u iktar 'il quddiem ir-Rivoluzzjoni Franċiża. Il-qafas demokratiku liberali tiegħu tal-governanza għadu l-forma ewlenija tad-demokrazija fid-dinja.

Fir-repubbliki tal-Cossack tal-Ukrajna fis-sekli 16 u 17, l-Etmanat tal-Cossack u s-Sich ta' Zaporizhia, id-detentur tal-ogħla kariga ta' Hetman kien jiġi elett mir-rappreżentanti tad-distretti tal-pajjiż.

Fl-Amerka ta' Fuq, il-governanza rappreżentattiva bdiet f'Jamestown, Virginia, bl-elezzjoni tal-Kamra tal-Burgesses (il-prekursur tal-Assemblea Ġenerali ta' Virginia) fl-1619. Il-Puritani Ingliżi li għamlu migrazzjoni mill-1620 stabbilew kolonji f'New England, fejn kien hemm governanza lokali demokratika; il-poter ta' dawn l-assemblej lokali kien ivarja ferm tul il-perjodu kolonjali. Madankollu, uffiċjalment kellhom ammonti żgħar ta' poter devolut, peress li l-awtorità aħħarija kienet f'idejn il-monarkija u l-Parlament. Il-Puritani, il-Battisti u l-Quakers li stabbilew dawn il-kolonji applikaw l-organizzazzjoni demokratika tal-kongregazzjonijiet tagħhom anke għall-amministrazzjoni tal-komunitajiet tagħhom fil-ħajja ta' kuljum.

Sekli 18 u 19

[immodifika | immodifika s-sors]
William Pitt iż-Żgħir jagħti diskors fil-House of Commons tar-Renju Unit.

L-ewwel Parlament tal-Gran Brittanja ġie stabbilit fl-1707, wara l-fużjoni tar-Renju tal-Ingilterra u r-Renju tal-Iskozja skont l-Atti tal-Unjoni. Żewġ dokumenti ewlenin tal-kostituzzjoni mhux kodifikata tar-Renju Unit, id-Dikjarazzjoni Ingliża tad-Drittijiet tal-1689 (imsejħa mill-ġdid bħala l-Liġi dwar id-Drittijiet tal-1689) u d-Dikjarazzjoni Skoċċiża tad-Drittijiet tal-1689, it-tnejn li huma kienu kkonsolidaw il-pożizzjoni tal-Parlament bħala l-korp suprem tat-tfassil tal-liġijiet u kienu jgħidu li "l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament kellha tkun ħielsa". Madankollu, il-Parlament kien jiġi elett biss mis-sidien tal-art maskili, li kienu jammontaw għal 3 % tal-popolazzjoni fl-1780. L-ewwel persuna Brittanika magħrufa ta' nisel Afrikan li vvota f'elezzjoni ġenerali, Ignatius Sancho, ivvota fl-1774 u fl-1780.

Matul l-Era tal-Libertà fl-Iżvezja (1718–1772), id-drittijiet ċivili twessgħu u l-poter għadda mingħand il-monarka għall-Parlament. Ir-raħħala intaxxati kienu rrappreżentati fil-Parlament, għalkemm ma tantx kellhom influwenza, iżda n-nies komuni mingħajr proprjetà intaxxata ma kellhomx suffraġju.

Il-ħolqien ta' Repubblika ta' Korsika ta' għomorha qasir fl-1755 kien tentattiv bikri li tiġi adottata kostituzzjoni demokratika (setgħu jivvutaw l-irġiel u n-nisa kollha li kellhom iktar minn 25 sena). Din il-Kostituzzjoni ta' Korsika kienet l-ewwel waħda bbażata fuq il-prinċipji tal-Illuminiżmu u kienet tinkludi s-suffraġju femminili, xi ħaġa li ma kinitx inkluża fil-biċċa l-kbira tad-demokraziji l-oħra sas-seklu 20.

It-Tlettax-il Kolonja Brittanika mal-kosta tal-Lvant tal-Amerka ta' Fuq ħarġu Dikjarazzjoni tal-Indipendenza fl-1776.

L-Amerka kolonjali kellha kwalifikazzjonijiet simili dwar il-proprjetà bħall-Brittanja, u fil-perjodu qabel l-1776 l-abbundanza u d-disponibbiltà tal-art kienet tfisser li għadd kbir ta' kolonjalisti kienu jissodisfaw tali rekwiżiti b'mill-inqas 60 fil-mija tal-irġiel adulti ta' karnaġjon bajda li setgħu jivvutaw. Il-maġġoranza l-kbira tal-irġiel ta' karnaġjon bajda kienu bdiewa li kienu jissodisfaw ir-rekwiżiti tas-sjieda tal-proprjetà jew tal-ħlas tat-taxxa. Bi ftit eċċezzjonijiet, l-ebda mara jew persuna b'karnaġjon sewda ma setgħu jivvutaw. Vermont, li malli ddikjarat l-indipendenza mill-Gran Brittanja fl-1777, adottat kostituzzjoni mmudellata fuq iċ-ċittadinanza u s-suffraġju demokratiku ta' Pennsylvania għall-irġiel bi proprjetà jew mingħajr proprjetà. Il-Kostituzzjoni tal-Istati Uniti tal-1787 hija l-eqdem kostituzzjoni governattiva kkodifikata li għadha teżisti u li għadha attiva. Il-Kostituzzjoni kienet tipprevedi gvern elett u protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ċivili, iżda ma temmitx il-jasar u lanqas ma estendiet id-drittijiet tal-votazzjoni fl-Istati Uniti, u minflok ħalliet il-kwistjoni tas-suffraġju f'idejn l-istati individwali. Ġeneralment, l-istati llimitaw is-suffraġju għas-sidien tal-proprjetà maskili u għal dawk li jħallsu t-taxxi ta' karnaġjon bajda. Meta kien hemm l-ewwel elezzjoni Presidenzjali fl-1789, madwar 6 % tal-popolazzjoni kienet eliġibbli biex tivvota. L-Att dwar in-Naturalizzazzjoni tal-1790 illimita ċ-ċittadinanza Amerikana lill-persuni ta' karnaġjon bajda biss. Il-Liġi tad-Drittijiet fl-1791 stabbiliet limiti fuq il-poter tal-gvern sabiex tħares il-libertajiet personali iżda kellha ftit impatt fuq is-sentenzi tal-qrati għall-ewwel 130 sena wara r-ratifika.

Ispirata mill-filosfi tal-Illuminiżmu, id-Dikjarazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u taċ-Ċittadini kellha impatt sinifikanti fuq l-iżvilupp tal-kunċetti popolari tal-libertà tal-individwu u tad-demokrazija fl-Ewropa u madwar id-dinja.

Fl-1789, Franza Rivoluzzjonarja adottat id-Dikjarazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u taċ-Ċittadini, u għalkemm għomorha kien qasir, il-Konvenzjoni Nazzjonali kienet eletta mill-irġiel kollha biss fl-1792. Il-Kostituzzjoni Pollakka-Litwana tat-3 ta' Mejju 1791 ippruvat timplimenta monarkija kostituzzjonali iktar effettiva, introduċiet l-ugwaljanza politika bejn iċ-ċittadini u n-nobbli, u poġġiet ir-raħħala taħt il-protezzjoni tal-gvern, u b'hekk taffiet l-agħar abbużi kontra r-raħħala. Din damet fis-seħħ għal inqas minn 19-il xahar, u ġiet iddikjarata nulla mis-Sejm ta' Grodno li ltaqa' fl-1793. Minkejja dan, il-Kostituzzjoni tal-1791 għenet biex l-aspirazzjonijiet tal-Pollakki jibqgħu ħajjin għar-restawr eventwali tas-sovranità tal-pajjiż iktar minn seklu wara.

Fl-Istati Uniti, l-elezzjoni Presidenzjali tal-1828 kienet l-ewwel waħda li fiha setgħu jivvutaw l-irġiel ta' karnaġjon bajda li ma kinux sidien tal-proprjetà fil-maġġoranza l-kbira tal-istati. L-ammont ta' nies li ħarġu jivvutaw żdied matul is-snin 30 tas-seklu 19, u laħaq madwar 80 % tal-popolazzjoni ta' rġiel adulti ta' karnaġjon bajda fl-elezzjoni Presidenzjali tal-1840. North Carolina kien l-aħħar stat li abolixxa l-kwalifazzjoni abbażi tal-proprjetà fl-1856 u dan wassal għal approssimazzjoni tas-suffraġju universali tal-irġiel ta' karnaġjon bajda (madankollu r-rekwiżiti tal-ħlas tat-taxxa baqgħu jeżistu f'ħames stati fl-1860 u baqgħu jeżistu f'żewġ stati sas-seklu 20). Fiċ-ċensiment tal-Istati Uniti tal-1860, il-popolazzjoni tal-iskjavi kienet kibret għal 4 miljuni, u fir-Rikostruzzjoni wara l-Gwerra Ċivili, għaddew tliet emendi kostituzzjonali: it-13-il Emenda (1865) li temmet l-iskjavitù; l-14-il Emenda (1869) li tat iċ-ċittadinanza lin-nies ta' karnaġjon sewda, u l-15-il Emenda (1870) lil tat lill-irġiel ta' karnaġjon sewda d-dritt nominali biex jivvutaw. L-involviment sħiħ taċ-ċittadini kollha ma ġiex żgurat sa wara li l-moviment tad-drittijiet ċivili kiseb l-approvazzjoni mill-Kungress tal-Istati Uniti fir-rigward tal-Att dwar id-Drittijiet tal-Votazzjoni tal-1965.

Litografija tas-snin 50 tas-seklu 19 li timmarka l-istabbiliment tas-suffraġju maskili universali fi Franza fl-1848.

Id-dritt tal-votazzjoni fir-Renju Unit twessa' u sar iktar uniformi permezz ta' sensiela ta' riformi li bdew bl-Att dwar ir-Riformi tal-1832 u komplew fis-seklu 20, b'mod partikolari bl-Att dwar ir-Rappreżentanza tan-Nies tal-1918 u l-Att dwar l-Ugwaljanza tal-1928. Is-suffraġju maskili universali ġie stabbilit fi Franza f'Marzu 1848 fid-dawl tar-Rivoluzzjoni Franċiża tal-1848. Matul dik is-sena, faqqgħu diversi rivoluzzjonijiet fl-Ewropa peress li l-mexxejja kellhom ilaħħqu mad-domandi popolari għall-kostituzzjonijiet liberali u għal iktar governanza demokratika.

Fl-1876, l-Imperu Ottoman għadda minn monarkija assoluta għal waħda kostituzzjonali, u organizza żewġ elezzjonijiet is-sena ta' wara biex jeleġġi membri fil-Parlament li kien għadu kemm ġie ffurmat. Inħarġu Regolamenti Elettorali Proviżorji, li kienu jiddikjaraw li l-membri eletti tal-Kunsilli Amministrattivi Provinċjali kellhom jeleġġu l-membri għall-ewwel Parlament. Iktar tard dik is-sena, ġiet ippromulgata kostituzzjoni ġdida, li kienet tipprevedi l-istabbiliment ta' Parlament bikamerali b'Senat maħtur mis-Sultan u Kamra tad-Deputati eletta mill-poplu. Kienu jitħallew jikkontestaw għall-elezzjoni l-irġiel biss li kellhom iktar minn 30 sena u li kienu midħla tat-Tork u li kellhom drittijiet ċivili sħaħ. Fost ir-raġunijiet ta' skwalifika kien hemm iż-żamma ta' ċittadinanza doppja, ir-reklutaġġ minn gvern barrani, il-falliment monetarju, l-impjieg bħala qaddej, jew "ir-reputazzjoni tat-twettiq ta' azzjonijiet ħżiena". Is-suffraġju universali sħiħ inkiseb fl-1934.

Fl-1893, il-kolonja bl-awtogovernanza ta' New Zealand saret l-ewwel pajjiż fid-dinja (għajr għar-Repubblika ta' Korsika b'għomorha qasir tas-seklu 18 li stabbiliet is-suffraġju universali attiv billi n-nisa ngħataw id-dritt tal-votazzjoni.

Sekli 20 u 21

[immodifika | immodifika s-sors]

It-tranżizzjonijiet tas-seklu 20 lejn id-demokrazija liberali waslu f'"mewġiet suċċessivi tad-demokrazija", u rriżultaw b'modi differenti minn gwerer, rivoluzzjonijiet, dekolonizzazzjoni, u ċirkostanzi reliġjużi u ekonomiċi. Il-mewġiet globali ta' "regressjoni demokratika" li reġġgħu lura d-demokratizzazzjoni seħħew ukoll fis-snin 20 u 30 tas-seklu 20, fis-snin 60 u 70 tas-seklu 20 u fis-snin 10 tas-seklu 21.

L-Ewwel Gwerra Dinjija u x-xoljiment tal-Imperu Ottoman u tal-Imperu Awstro-Ungariku wasslu għall-ħolqien ta' nazzjonijiet-stati ġodda fl-Ewropa, u l-biċċa l-kbira minnhom kienu mill-inqas nominalment demokratiċi. Fis-snin 20 tas-seklu 20 tkattru l-movimenti demokratiċi u s-suffraġju universali avvanza, iżda d-Dipressjoni l-Kbira ġabet magħha diżillużjoni u l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-Ewropa, tal-Amerka Latina u tal-Asja daru għat-tmexxija ta' rġiel b'saħħithom jew dittaturi. Il-Faxxiżmu u d-dittaturi tkattru fil-Ġermanja Nażista, fl-Italja, fi Spanja u fil-Portugall, kif ukoll il-gvernijiet mhux demokratiċi fil-Baltiċi, fil-Balkani, fil-Brażil, f'Kuba, fiċ-Ċina u fil-Ġappun fost l-oħrajn.

Pittura tal-ftuħ tal-ewwel Parlament tal-Awstrija fl-1901, wieħed mill-avvenimenti li fforma parti mill-ewwel mewġa ta' demokrazija fil-bidu tas-seklu 20.

It-Tieni Gwerra Dinjija ġabet magħha treġġigħ lura definittiv ta' din it-tendenza fil-Punent tal-Ewropa. Id-demokratizzazzjoni tas-setturi Amerikani, Brittaniċi u Franċiżi tal-Ġermanja okkupata (għalkemm xi sorsi jikkontestaw dan il-punt), tal-Awstrija, tal-Italja, u tal-Ġappun okkupat serviet bħala mudell għat-teorija li ġiet wara tal-bidla fil-gvern. Madankollu, il-biċċa l-kbira tal-Lvant tal-Ewropa, inkluż is-settur Sovjetiku tal-Ġermanja, sfat fit-territorju mhux demokratiku ddominat mis-Sovjetiċi.

Wara l-gwerra kien hemm id-dekolonizzazzjoni, u mill-ġdid il-biċċa l-kbira tal-istati indipendenti ġodda kellhom kostituzzjonijiet nominalment demokratiċi. L-Indja feġġet bħala l-ikbar demokrazija fid-dinja u għadha fit-tmun. Il-pajjiżi li fl-imgħoddi kienu parti mill-Imperu Brittanika, spiss adottaw is-sistema Brittanika ta' Westminster.

Fl-1948, id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem irrekjediet id-demokrazija:

3. Ir-rieda tan-nies għandha tkun il-bażi tal-awtorità tal-governanza; din għandha tkun espressa f'elezzjonijiet perjodiċi u ġenwini li għandhom jkunu b'suffraġju universali u ugwali u dan għandu jiġi espress f'elezzjonijiet perjodiċi u ġenwini li għandhom isiru b'suffraġju universali u ndaqs u għandhom isiru permezz ta' votazzjoni sigrieta u jew bi proċeduri ekwivalenti ta' votazzjoni ħielsa.

— Id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Artikolu 21, in-Nazzjonijiet Uniti, fl-1948

Id-Deputati tal-Ħaddiema Sovjetiċi ta' San Pietruburgu fl-1905: Leon Trotsky fin-nofs. Is-sovjeti kienu eżempju bikri ta' kunsill tal0-ħaddiema.

Sal-1960, il-maġġoranza l-kbira tal-pajjiżi-stati nominalment kienu demokraziji, għalkemm il-biċċa l-kbira tal-popolazzjonijiet tad-dinja kienu jgħixu f'demokraziji nominali li esperjenzaw elezzjonijiet taparsi, u forom oħra ta' qerq (b'mod partikolari fl-istati "Komunisti" u l-eks kolonji). Mewġa sussegwenti ta' demokratizzazzjoni ġabet magħha kisbiet sostanzjali favur demokrazija liberali ta' vera għal bosta stati, u din ġiet imlaqqma bħala t-"tielet mewġa ta' demokrazija". Il-Portugall, Spanja u diversi mid-dittaturi militari fl-Amerka t'Isfel reġgħu lura għat-tmexxija ċivili fis-snin 70 u 80 tas-seklu 20. Din ġiet segwita minn pajjiżi fil-Lvant u fin-Nofsinhar tal-Asja sa nofs u l-aħħar tas-snin 80 tas-seklu 20. L-għawġ ekonomiku fis-snin 80 tas-seklu 20, flimkien mal-garr minħabba l-oppressjoni Sovjetika, wasslu għall-isfaxxar tal-Unjoni Sovjetika, it-tmiem assoċjata tal-Gwerra Bierda, u d-demokratizzazzjoni u l-liberalizzazzjoni tal-pajjiżi tal-Lvant tal-eks Unjoni Sovjetika. L-iżjed demokraziji mid-demokraziji l-ġodda li kellhom suċċess kienu dawk li ġeografikament u kulturalment kienu l-eqreb tal-Punent tal-Ewropa, u li issa huma parti mill-Unjoni Ewropea jew huma pajjiżi kandidati. Fl-1986, wara li waqgħet l-iżjed dittatura Asjatika prominenti, l-uniku stat demokratiku tax-xorta tiegħu dak iż-żmien feġġ fil-Filippini bil-wasla ta' Corazon Aquino, li iktar 'il quddiem saret magħrufa bħala omm id-demokrazija Asjatika.

Ix-xejra liberali nfirxet f'uħud mill-istati Afrikani fis-snin 90 tas-seklu 20, l-iktar fl-Afrika t'Isfel. Xi eżempji reċenti ta' tentattivi ta' liberalizzazzjoni jinkludu r-Rivoluzzjoni Indoneżjana tal-1998, ir-Rivoluzzjoni bil-Gafef fil-Jugoslavja, ir-Rivoluzzjoni tal-Ward fil-Georgia, ir-Rivoluzzjoni Oranġjo fl-Ukrajna, ir-Rivoluzzjoni taċ-Ċedru fil-Libanu, ir-Rivoluzzjoni tat-Tulipani fil-Kirgiżistan u r-Rivoluzzjoni tal-Ġiżimin fit-Tuneżija.

Skont Freedom House, fl-2007 kien hemm 123 demokrazija elettorali (minn 40 waħda fl-1972). Skont il-Forum Dinji dwar id-Demokrazija, id-demokraziji elettorali issa jirrappreżentaw 120 mill-192 pajjiż eżistenti u jikkostitwixxu 58.2 fil-mija tal-popolazzjoni dinjija. Fl-istess ħin, id-demokraziji liberali, jiġifieri l-pajjiżi li Freedom House tqis bħala ħielsa u li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem bażiċi u l-istat tad-dritt, jammontaw għal 85 pajjiż u jirrappreżentaw 38 fil-mija tal-popolazzjoni globali. Fl-2007 ukoll, in-Nazzjonijiet Uniti ddikjaraw il-15 ta' Settembru bħala l-Jum Internazzjonali tad-Demokrazija.

Bosta pajjiżi baxxew l-età tal-votazzjoni għal 18-il sena; id-demokraziji ewlenin bdew jagħmlu dan fis-snin 70 tas-seklu 20, l-ewwel nett fil-Punent tal-Ewropa u fl-Amerka ta' Fuq. Il-biċċa l-kbira tad-demokraziji elettorali għadhom jeskludu lil dawk taħt l-età ta' 18-il sena mill-votazzjoni. L-età tal-votazzjoni tbaxxiet għal 16-il sena għall-elezzjonijiet nazzjonali f'għadd ta' pajjiżi, fosthom il-Brażil, l-Awstrija, Kuba u n-Nikaragwa. F'California, proposta tal-2004 biex jingħata kwart ta' vot li dawk ta' 16-il sena fl-aħħar mill-aħħar ma għaddietx. Fl-2008, il-Parlament Ġermaniż ippropona abbozz ta' liġi li mbagħad warrab li kienet tagħti d-dritt tal-votazzjoni lil kull ċittadin mat-twelid, biex jintuża minn ġenitur sa meta l-wild ikun jista' jibda jużah.

Nelson Mandela jivvota fl-elezzjonijiet multirazzjali tal-1994 fl-Afrika t'Isfel. Din kienet l-ewwel darba li kien ivvota f'ħajtu.

Skont Freedom House, mill-2005 kien hemm 17-il sena konsekuttiva li fihom id-drittijiet politiċi u l-libertajiet ċivili madwar id-dinja marru għall-agħar f'iktar pajjiżi milli fejn sar xi titjib, peress li l-qawwiet populisti u nazzjonalistiċi mexew 'il quddiem kullimkien, mill-Polonja (eż. il-partit tal-Liġi u l-Ġustizzja) sal-Filippini (taħt Rodrigo Duterte). F'rapport ta' Freedom House li nħareġ fl-2018, il-punteġġi rigward id-demokrazija għall-biċċa l-kbira tal-pajjiżi marru lura għat-12-il sena konsekuttiva. The Christian Science Monitor irrapporta li l-ideoloġiji nazzjonalistiċi u populisti kienu qed jissaħħew, a skapitu tal-istat tad-dritt, f'pajjiżi bħall-Polonja, it-Turkija u l-Ungerija. Pereżempju, fil-Polonja, il-President ħatar 27 imħallef ġdid tal-Qorti Suprema minkejja l-oġġezzjonijiet legali mill-Kummissjoni Ewropea. Fit-Turkija, eluf ta' mħallfin tneħħew mill-karigi tagħhom wara kolp ta' stat li ma rnexxiex.

Iċ-"ċedimenti demokratiċi" fis-snin 10 tas-seklu 21 ġew attribwiti lill-inugwaljanza ekonomika u l-garr soċjali, il-personaliżmu, il-ġestjoni batuta tal-gvernijiet fir-rigward tal-pandemija tal-COVID-19, kif ukoll fatturi oħra bħall-manipolazzjoni tas-soċjetà ċivili, il-"polarizzazzjoni tossika", il-kampanji barranin tad-diżinformazzjoni, ir-razziżmu u n-nattiviżmu, is-setgħa eżekuttiva eċċessiva, u s-setgħa mnaqqsa tal-oppożizzjoni. Fi ħdan id-demokraziji tal-Punent, l-attitudnijiet ta' "protezzjoniżmu", li jiġbru flimkien il-konservattiviżmu kulturali u l-attitudnijiet ekonomiċi Xellugin, kienu l-iżjed indikatur b'saħħtu tal-appoġġ għall-modalitajiet awtoritarji ta' governanza.

Teorija bikrija

[immodifika | immodifika s-sors]
Corazon Aquino tieħu l-ġurament u ssir l-ewwel President mara fl-Asja.

It-teorija demokratika ta' Aristotli kienet tpoġġi f'kuntrast it-tmexxija mill-ħafna (demokrazija/timokrazija), mat-tmexxija mill-ftit (oligarkija/aristokrazija/elitiżmu), kif ukoll mat-tmexxija minn persuna waħda (tirannija/awtokrazija/monarkija assoluta). Huwa ħaseb ukoll li kien hemm varjant tajjeb u ħażin ta' kull sistema (huwa qies id-demokrazija bħala l-kontroparti ħażina tat-timokrazija).

Fehma komuni fost it-teoriċi Repubblikani bikrin u Rinaxximentali kienet li d-demokrazija setgħet tibqa' ħajja biss fil-komunitajiet politiċi ż-żgħar. Abbażi tal-lezzjonijiet meħuda mill-bidla tar-Repubblika Rumana lejn il-monarkiżmu iktar ma kibret jew ċkienet, dawn it-teoriċi Repubblikani sostnew li l-espansjoni tat-territorji u tal-popolazzjoni inevitabbilment kienu jwasslu għat-tirannija. Għaldaqstant id-demokrazija kienet fraġli ferm u rari storikament, għax setgħet tibqa' teżisti biss f'unitajiet politiċi żgħar, li minħabba d-daqs tagħhom kienu vulnerabbli għal ħakma minn unitajiet politiċi akbar. Huwa magħruf li Montesquieu qal, "jekk repubblika tkun żgħira, tinqered minn qawwa barranija; jekk tkun kbira, tinqered minn difett intern". Jean-Jacques Rousseau sostna, "Għaldaqstant, hija l-karatteristika naturali tal-istati żgħar li jiġu ggvernati bħala repubblika, tal-istati ta' daqs nofsani li jkunu soġġetti għal monarka, u tal-imperi kbar li jitmexxew minn prinċep tirann".

Teorija kontemporanja

[immodifika | immodifika s-sors]

Fost it-teoriji politiċi moderni, jeżistu kunċetti fundamentali differenti tad-demokrazija.

Aggregazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

It-teorija tad-demokrazija aggregattiva ssostni li l-għan tal-proċessi demokratiċi hu li jmexxu 'l quddiem il-preferenzi taċ-ċittadini u jaggregawhom flimkien biex jiddeterminaw liema politiki soċjali għandha tadotta s-soċjetà. Għaldaqstant, dawk li jħaddnu din il-fehma jsostnu li s-sehem demokratiku għandu jiffoka b'mod primarju fuq il-votazzjoni, fejn il-politiki bl-ikbar ammont ta' voti jiġu implimentati. Jeżistu varjanti differenti tad-demokrazija aggregattiva.

Skont il-ħsieb tad-demokrazija minimalista, l-elezzjonijiet huma mekkaniżmu ta' kompetizzjoni bejn il-politiċi. Joseph Schumpeter huwa magħruf li spjega dan il-ħsieb fil-ktieb tiegħu Kapitaliżmu, Soċjaliżmu u Demokrazija.

Anthony Downs jargumenta li l-partiti politiċi ideoloġiċi huma neċessarji biex jaġixxu bħala sensara bejn l-individwi u l-gvernijiet. Min-naħa l-oħra, id-demokrazija diretta, fejn iċ-ċittadini jivvutaw direttament rigward il-proposti leġiżlattivi, tista' turi aggregazzjoni aħjar f'każijiet ta' differenzi fil-preferenzi bejn l-elit u l-votanti.

Mandat medjan
[immodifika | immodifika s-sors]

Skont it-teorema tal-votant medjan, ir-rappreżentattività politika tista' tiġi evalwata billi jitqabbel kemm il-liġijiet u l-politiki huma qrib tal-fehmiet tal-votanti medjani tul l-ispettru politiku. Il-mandat medjan iħares lejn il-preferenzi tal-votant medjan bħala dawk li jagħtu leġittimità politika.

Robert A. Dahl jargumenta li l-prinċipju demokratiku fundamentali hu li meta wieħed jasal għal deċiżjonijiet kollettivi vinkolanti, kull persuna f'komunità politika hija intitolata li l-interessi tagħha jitqiesu b'mod indaqs. Huwa juża t-terminu poliarkija ("it-tmexxija mill-ħafna") biex jirreferi għal soċjetajiet fejn jeżisti ċertu sett ta' istituzzjonijiet u proċeduri li huma perċepiti li jwasslu għal tali demokrazija. L-ewwel u qabel kollox fost dawn l-istituzzjonijiet hemm l-okkorrenza regolari ta' elezzjonijiet ħielsa u miftuħa li jsiru biex jintgħażlu r-rappreżentanti li mbagħad jiġġestixxu l-politiki pubbliċi kollha tas-soċjetà jew il-biċċa l-kbira minnhom. Madankollu, dawn il-proċeduri poliarkiċi jaf ma joħolqux demokrazija sħiħa, jekk pereżempju l-faqar ixekkel il-parteċipazzjoni politika. B'mod simili, Ronald Dworkin isostni li d-"demokrazija hija ideal sostantiv, mhux sempliċement proċedurali".

Deliberazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Id-demokrazija deliberattiva hija bbażata fuq in-nozzjoni li d-demokrazija hija governanza bid-deliberazzjoni. Għad-differenza tad-demokrazija aggregattiva, id-demokrazija deliberattiva ssostni li biex deċiżjoni demokratika tkun leġittima, din trid tkun preċeduta minn deliberazzjoni awtentika, mhux sempliċement l-aggregazzjoni tal-preferenzi li sseħħ fil-votazzjoni. Deliberazzjoni awtentika hija deliberazzjoni fost dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet li tkun ħielsa minn distorsjonijiet tas-setgħa politika inugwali, bħas-setgħa li jikseb min jieħu d-deċiżjonijiet permezz tal-ġid ekonomiku jew l-appoġġ tal-gruppi ta' interess. Jekk dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet ma jkunux jistgħu jaslu għal konsensus wara deliberazzjoni awtentika dwar proposta, imbagħad jivvutaw dwar il-proposta billi jużaw forma ta' tmexxija tal-maġġoranza. Il-ġemgħat taċ-ċittadini jitqiesu minn bosta studjużi bħala eżempji prattiċi tad-demokrazija deliberattiva, u rapport reċenti tal-OECD jidentifika l-ġemgħat taċ-ċittadini bħala mekkaniżmu popolari li kulma jmur jinvolvi liċ-ċittadini fit-teħid tad-deċiżjonijiet governattivi. Dawk li huma favur id-demokrazija diretta jsostnu li ċ-ċittadini ma jmexxux lilhom infushom sakemm ma jiddeċidux direttament rigward il-liġijiet u l-politiki. L-attività politika tista' tkun siewja fiha nnifisha, peress li tissoċjalizza u teduka liċ-ċittadini, u l-parteċipazzjoni popolari tista' tikkontrolla l-elit setgħana.

Tipi ta' demokraziji governattivi

[immodifika | immodifika s-sors]

Id-demokrazija għandha bosta forom, kemm fit-teorija kif ukoll fil-prattika. Xi varjetajiet tad-demokrazija jipprovdu rappreżentanza aħjar u iktar libertà għaċ-ċittadini minn oħrajn. Madankollu, jekk xi demokrazija ma tkunx strutturata sabiex tipprojbixxi lill-gvern milli jeskludi lin-nies mill-proċess leġiżlattiv, jew lil kwalunkwe fergħa tal-gvern milli tibdel is-separazzjoni tal-poteri favuriha, imbagħad fergħa tas-sistema tista' takkumula wisq poter u teqred id-demokrazija.

It-tipi ta' demokrazija li ġejjin ma jeskludux lil xulxin: ħafna jispeċifikaw dettalji ta' aspetti li huma indipendenti minn xulxin u jistgħu jeżistu flimkien f'sistema unika.

Forom bażiċi
[immodifika | immodifika s-sors]

Jeżistu diversi varjanti ta' demokrazija, iżda hemm żewġ forom bażiċi, u t-tnejn li huma jikkonċernaw kif il-korp kollu taċ-ċittadini eliġibbli jwettaq ir-rieda tiegħu. Forma ta' demokrazija hija d-demokrazija diretta, fejn iċ-ċittadini eliġibbli kollha jkollhom parteċipazzjoni attiva fit-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi, pereżempju billi jivvutaw direttament rigward l-inizjattivi ta' politika. Fil-biċċa l-kbira tad-demokraziji moderni, il-korp kollu ta' ċittadini eliġibbli jibqa' l-poter sovran iżda l-poter politiku jiġi eżerċitat indirettament permezz ta' rappreżentanti eletti; din tissejjaħ demokrazija rappreżentattiva.

Jekk il-kap ta' stat jiġi elett b'mod demokratiku, l-istat jissejjaħ repubblika demokratika.

Demokrazija diretta
[immodifika | immodifika s-sors]

Id-demokrazija diretta hija sistema politika fejn iċ-ċittadini jieħdu sehem fit-teħid tad-deċiżjonijiet personalment. minflok jiddependu fuq intermedjarji jew rappreżentanti. Dawk li tkellmu favuriha bħal Jean-Jacques Rousseau jsostnu li l-approċċ dirett iżid il-leġittimità. Demokrazija diretta tagħti lill-popolazzjoni li tivvota s-setgħa li:

  • tibdel il-liġijiet kostituzzjonali;
  • tressaq inizjattivi, referenda u suġġerimenti għal liġijiet.

Fi ħdan il-gvernijiet rappreżentattivi moderni, ċerti għodod elettorali bħar-referenda, l-inizjattivi taċ-ċittadini u r-referendum għat-tneħħija ta' gvern jitqiesu bħala fororm ta' demokrazija diretta. Madankollu, uħud li huma favur id-demokrazija diretta jsostnu li l-ġemgħat lokali jeħtieġu jiddiskutu wiċċ imb wiċċ. Id-demokrazija diretta bħala sistema ta' governanza attwalment teżisti fil-kantons Żvizzeri ta' Appenzell Innerrhoden u Glarus, il-Muniċipalitajiet Awtonomi Zapatisti Ribelli, il-komunitajiet affiljati mas-CIPO-RFM, il-kunsilli lokali Bolivjani ta' FEJUVE, u l-kantons Kurdi ta' Rojava.

Demokrazija semidiretta
[immodifika | immodifika s-sors]

Xi demokraziji moderni li huma rappreżentattivi għalkollox fin-natura tagħhom jiddependu bil-kbir fuq forom ta' azzjoni politika tad-demokrazija diretta. Dawn id-demokraziji, li jużaw elementi tad-demokrazija rappreżentattiva u tad-demokrazija diretta, jissejħu demokraziji semidiretti jew demokraziji parteċipattivi. Xi eżempji jinkludu l-Iżvizzera u xi stati tal-Istati Uniti, fejn isir użu frekwenti tar-referenda u tal-inizjattivi.

Il-Konfederazzjoni Żvizzera hija demokrazija semidiretta. Fil-livell federali, iċ-ċittadini jistgħu jipproponu bidliet fil-kostituzzjoni (inizjattiva popolari federali) jew jitolbu li jsir referendum rigward kwalunkwe liġi vvutata mill-Parlament. Bejn Jannar 1995 u Ġunju 2005, iċ-ċittadini Żvizzeri vvutaw 31 darba, biex iwieġbu 103 domanda (matul l-istess perjodu, iċ-ċittadini Franċiżi pparteċipaw f'żewġ referenda biss). Minkejja dan, fl-aħħar 120 sena inqas minn 250 inizjattiva tressqu għal referendum.

Xi eżempji jinkludu l-użu estensiv tar-referenda fl-istat Amerikan ta' California, li huwa stat b'iktar minn 20 miljun votant.

F'New England spiss jintużaw laqgħat tal-belt, speċjalment fiż-żoni rurali, għall-ġestjoni tal-governanza lokali. Dan joħloq forma ibrida ta' governanza, b'demokrazija diretta lokali u gvern statali rappreżentattiv. Pereżempju, il-biċċa l-kbira tal-bliet ta' Vermont jorganizzaw laqgħat tal-bliet annwali f'Marzu fejn jiġu eletti l-uffiċjali tal-bliet, jiġu vvutati l-baġits għall-bliet u għall-iskejjel, u ċ-ċittadini jkollhom l-opportunità li jitkellmu u jinstemgħu rigward il-kwistjonijiet politiċi.

Sistema tax-xorti
[immodifika | immodifika s-sors]

L-użu ta' sistema tax-xorti, demokrazija karatteristika ta' Ateni, hija karatteristika ta' xi verżjonijiet ta' demokraziji diretti. F'din is-sistema, kompiti governattivi u amministrattivi importanti jitwettqu minn ċittadini li jittellgħu bix-xorti f'lotterija.

Demokrazija rappreżentattiva
[immodifika | immodifika s-sors]

Id-demokrazija rappreżentattiva tinvolvi l-elezzjoni tal-uffiċjali tal-gvern min-nies rappreżentati. L-iżjed mekkaniżmi komuni jinvolvu l-elezzjoni tal-kandidat mill-maġġoranza jew minn pluralità tal-voti. Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-Punent għandhom sistemi rappreżentattivi.

Ir-rappreżentanti jistgħu jiġu eletti bħala rappreżentanti diplomatiċi minn distrett (jew kostitwenza) partikolari, jew jirrappreżentaw l-elettorat kollu permezz ta' sistemi proporzjonali. Xi demokraziji rappreżentattivi jinkorporaw ukoll elementi tad-demokrazija diretta, bħal referenda. Karatteristika tad-demokrazija rappreżentattiva hi li filwaqt li r-rappreżentanti jiġu eletti min-nies biex jaġixxu fl-interess tan-nies, jibqa' jkollhom il-libertà li jeżerċitaw il-ġudizzju tagħhom stess kif jaħsbu li jkun l-aħjar. Dan wassal għal kritika fir-rigward tad-demokrazija rappreżentattiva, u ġew indikati kontradizzjonijiet tal-mekkaniżmi ta' rappreżentanza mad-demokrazija.

Demokrazija Parlamentari
[immodifika | immodifika s-sors]

Id-demokrazija Parlamentari hija demokrazija rappreżentattiva fejn il-gvern jinħatar jew jista' jitneħħa mir-rappreżentanti, għad-differenza tat-"tmexxija Presidenzjali" fejn il-President ikun il-kap ta' stat u l-kap tal-gvern u jiġi elett mill-votanti. F'demokrazija Parlamentari, il-governanza tiġi eżerċitata b'delega lill-eżekuttiv u tkun soġġetta għal rieżami kontinwu, verifiki u bilanċi mill-Parlament leġiżlattiv elett mill-poplu.

F'sistema Parlamentari, il-Prim Ministru jista' jitneħħa mil-leġiżlatura fi kwalunkwe mument jekk ma jkunx żamm mal-istennijiet tal-leġiżlatura. Dan isir permezz ta' vut ta' sfiduċja fejn il-leġiżlatura tiddeċiedi jekk il-Prim Ministru għandux jitneħħa mill-kariga b'maġġoranza favur it-tneħħija. F'xi pajjiżi, il-Prim Ministru jista' jsejjaħ elezzjoni ukoll fi kwalunkwe ħin, tipikament meta l-Prim Ministru jemmen li jkollu l-poplu warajh biex jerġa' jiġi elett. F'demokraziji Parlamentari oħra, elezzjonijiet addizzjonali prattikament qatt ma jsiru, u jiġi ppreferut gvern ta' minoranza sal-elezzjonijiet ordinarji ta' wara. Karatteristika importanti tad-demokrazija Parlamentari hija l-kunċett tal-"oppożizzjoni leali". Il-qofol tal-kunċett hu li t-tieni l-ikbar partit politiku (jew l-oppożizzjoni) jopponi l-partit fil-gvern (jew koalizzjoni), filwaqt li jibqa' leali lejn l-istat u l-prinċipji demokratiċi tiegħu.

Demokrazija Presidenzjali
[immodifika | immodifika s-sors]

Id-demokrazija Presidenzjali hija sistema fejn il-pubbliku jeleġġi l-President permezz ta' elezzjoni. Il-President jaqdi l-funzjoni ta' kap ta' stat u ta' kap ta' gvern u jikkontrolla l-biċċa l-kbira tal-poteri eżekuttivi. Il-President iservi għal mandat speċifiku u ma jistax iservi għal iktar. Spiss il-leġiżlatura limitat il-possibbiltà li President jitneħħa mill-kariga. L-elezzjonijiet tipikament ikollhom data fissa u qajla jinbidlu. Il-President ikollu kontroll dirett fuq il-kabinett, u jaħtar speċifikament il-membri tal-kabinett.

Normalment l-eżekuttiv ikollu r-responsabbiltà tat-twettiq jew tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u jaf ikollu poteri leġiżlattivi limitati, bħal veto. Madankollu, fergħa leġiżlattiva tgħaddi l-leġiżlazzjoni u l-baġits. B'hekk ikun hemm xi forma ta' separazzjoni tal-poteri. B'hekk, il-Presidentu u l-leġiżlatura jaf jispiċċaw ikollhom kontroll ta' partiti separati, u wieħed ikun jista' jimblokka lill-ieħor u b'hekk jindaħal mal-ħidma kif suppost tal-istat. Din jaf hija r-raġuni għalfejn id-demokrazija Presidenzjali ma tantx hija komuni 'l barra mill-Amerki, l-Afrika u l-Asja Ċentrali u tax-Xlokk.

Sistema semi-Presidenzjali hija sistema ta' demokrazija fejn il-gvern jinkludi kemm Prim Ministru kif ukoll President. Is-setgħat partikolari tal-Prim Ministru u tal-President ivarjaw skont il-pajjiż.

Monarkija kostituzzjonali
[immodifika | immodifika s-sors]

Bosta pajjiżi bħar-Renju Unit, Spanja, in-Netherlands, il-Belġju, il-pajjiżi Skandinavi, it-Tajlandja, il-Ġappun u l-Bhutan bidlu monarkiji setgħana f'monarkiji kostituzzjonali (spiss gradwalment) bi rwoli limitati jew simboliċi. Pereżempju, fl-istati predeċessuri tar-Renju Unit, il-monarkija kostituzzjonali bdiet tfeġġ u baqgħet teżisti bla xkiel mir-Rivoluzzjoni Glorjuża tal-1688 u minn meta għaddiet il-Liġi dwar id-Drittijiet tal-1689. Il-monarkiji kostituzzjonali limitati ferm, bħar-Renju Unit, ġew imsejħa bħala repubbliki monarkiċi minn kittieba bħal H. G. Wells.

F'pajjiżi oħra, il-monarkija ġiet abolita flimkien mas-sistema aristokratika (bħal fi Franza, iċ-Ċina, ir-Russja, il-Ġermanja, l-Awstrija, l-Ungerija, l-Italja, il-Greċja u l-Eġittu). Persuna eletta, b'poteri sinifikanti jew mingħajrhom, saret il-kap ta' stat f'dawn il-pajjiżi.

Il-familji tal-elit tal-leġiżlaturi, li spiss kellhom mandati ereditarji jew għal għomorhom, kienu komuni f'bosta stati. Maż-żmien, dawn kellhom poteri li ġew limitati (bħall-House of Lords tar-Renju Unit) jew saru elettivi u baqgħu setgħana (bħas-Senat Awstraljan).

Demokrazija repubblikana
[immodifika | immodifika s-sors]

It-terminu repubblika għandu bosta tifsiriet differenti, iżda llum il-ġurnata spiss jirreferi għal demokrazija rappreżentattiva b'kap ta' stat elett, bħal President, li jservi għal mandat limitat, b'kuntrast mal-istati b'monarka ereditarju bħala kap ta' stat, anke jekk dawn l-istati jkunu demokraziji rappreżentattivi b'kap ta' gvern elett jew maħtur bħal Prim Ministru.

Il-Missirijiet Fundaturi tal-Istati Uniti spiss ikkritikaw id-demokrazija diretta; James Madison argumenta speċjalment f'The Federalist Nru 10, li dak li ddistingwa demokrazija diretta minn waħda repubblikana kien li dik tal-ewwel kienet tiddependi fuq daqs żgħir u kienet tbati ferm mill-effetti tal-fazzjonijiet, filwaqt li dik repubblikana setgħet issir iktar b'saħħitha iktar ma tikber u minnha nnifisha tiġġieled il-fazzjonijiet permezz tal-istruttura tagħha stess. B'hekk, matul konvenzjoni f'Philadelphia, Madison sejjaħ l-elezzjoni tar-rappreżentanti minn territorji kbar bħala "l-unika difiża kontra l-inkonvenjenzi tad-demokrazija konsistenti mal-forma demokratika ta' governanza".

Il-Professuri Richard Ellis tal-Università ta' Willamette u Michael Nelson tal-Kulleġġ ta' Rhodes isostnu li l-biċċa l-kbira tal-ħsieb kostituzzjonali, minn Madison għal Lincoln u lil hinn, iffoka fuq "il-problema tat-tirannija tal-maġġoranza". Huma kkonkludew, "il-prinċipji tal-governanza repubblikana mħaddna fil-Kostituzzjoni jirrappreżentaw sforz biex jiġi żgurat li id-drittijiet inaljenabbli għall-ħajja, għal-libertà u għat-tfittxija tal-kuntentizza ma jiġux imkasbra mill-maġġoranzi". John Adams insista li dak li kien kritiku għall-valuri Amerikani kien li l-gvern ikun "marbut minn liġijiet fissi, li l-poplu jkollu l-jedd li jinstema' fit-tfassil tagħhom, u d-dritt għad-difiża". Meta Benjamin Franklin kien ħiereġ wara li kiteb il-Kostituzzjoni tal-Istati Uniti, Elizabeth Willing Powel staqsietu "Mela, Dr., x'għandna — repubblika jew monarkija?". Huwa wieġeb "Repubblika — jekk kapaċi żżommuha".

Demokrazija liberali
[immodifika | immodifika s-sors]

Id-demokrazija liberali hija demokrazija rappreżentattiva li tħaddan filosofija politika liberali, fejn il-kapaċità tar-rappreżentanti eletti li jeżerċitaw il-poter tat-teħid tad-deċiżjonijiet hija soġġetta għall-istat tad-dritt, moderat minn kostituzzjoni jew liġijiet bħall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tal-individwi, u limitat sal-punt li r-rieda tal-maġġoranza ma tistax tiġi eżerċitata kontra d-drittijiet tal-minoranzi.

Demokrazija Soċjalista
[immodifika | immodifika s-sors]

Il-ħsieb Soċjalista għandu diversi fehmiet differenti rigward id-demokrazija, pereżempju d-demokrazija soċjali jew is-Soċjaliżmu demokratiku. Ħafna Soċjalisti demokratiċi u demokratiċi Soċjalisti jemmnu f'forma ta' demokrazija parteċipattiva, industrijali, ekonomika u/jew tal-post tax-xogħol flimkien ma' demokrazija rappreżentattiva.

Demokrazija Marxista
[immodifika | immodifika s-sors]

It-teorija Marxista tappoġġa soċjetà demokratika ċċentrata fuq il-klassi tal-ħaddiema. Xi Marxisti u Trotskyisti jemmnu fid-demokrazija diretta jew fil-kunsilli tal-ħaddiema (li xi kultant jissejħu entitajiet Sovjetiċi). Din is-sistema jaf tibda bid-demokrazija fil-post tax-xogħol u timmanifesta ruħha bħala demokrazija Sovjetika jew dittatura tal-proletarjat. Il-gruppi Trotskyisti interpretaw id-demokrazija Soċjalista bħala sinonima tar-rappreżentanza ta' diversi partiti tax-Xellug Estrem, tal-organizzazzjonijiet tal-unions awtonomi, tal-kontroll tal-produzzjoni tal-ħaddiema, tad-demokrazija interna fi ħdan il-partiti u tal-parteċipazzjoni tal-massa tal-mases tal-ħaddiema. Xi partiti Komunisti jappoġġaw repubblika Sovjetika b'ċentraliżmu demokratiku. Fi ħdan id-demokrazija fil-Marxiżmu jaf ikun hemm ostilità għal dik li normalment tissejjaħ "demokrazija liberali".

Demokrazija anarkika
[immodifika | immodifika s-sors]

L-anarkiċi huma maqsuma f'dan id-dominju, skont jemmnux li tmexxija tal-maġġoranza hijiex tirannika jew le. Għal bosta anarkiċi, l-unika forma ta' demokrazija li titqies aċċettabbli hija d-demokrazija diretta. Pierre-Joseph Proudhon argumenta li l-unika forma aċċettabbli ta' demokrazija diretta hija waħda fejn huwa rikonoxxut li d-deċiżjonijiet tal-maġġoranza mhumiex vinkolanti fuq il-minoranza, anke meta jkun hemm unanimità. Madankollu, l-anarkiku-Komunist Murray Bookchin ikkritika l-anarkiċi individwalisti talli opponew id-demokrazija, u sostna li t-"tmexxija tal-maġġoranza" hija konsistenti mal-anarkiżmu.

Xi anarkiċi-Komunisti jopponu n-natura maġġoritarja tad-demokrazija diretta, u jħossu li tista' timpedixxi l-libertà individwali u huma favur forma mhux maġġoritarja ta' demokrazija b'konsensus, simili għall-pożizzjoni ta' Proudhon dwar id-demokrazija diretta.

Demokrazija każwali
[immodifika | immodifika s-sors]

Id-demokrazija każwali jew bix-xorti hija l-proċess tal-għażla tal-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet b'mod aleatorju. Dawn il-korpi jistgħu jkunu iktar rappreżentattivi tal-fehmiet u tal-interessi tal-poplu inġenerali milli leġiżlatura eletta jew entità oħra tat-teħid tad-deċiżjonijiet. It-teknika kienet tintuża b'mod mifrux fid-demokrazija ta' Ateni u f'Firenze Rinaxximentali u għadha tintuża fl-għażla moderna tal-ġuriji u fil-ġemgħat taċ-ċittadini.

Demokrazija kostituzzjonali
[immodifika | immodifika s-sors]

Id-demokrazija kostituzzjonali hija forma ta' demokrazija bbażata fuq il-qsim tal-poter bejn l-elit li jirrappreżenta l-gruppi soċjali fi ħdan is-soċjetà. Fl-1969, Arendt Lijphart stqarr li din kienet tistabbilizza d-demokraziji bil-fazzjonijiet. Demokrazija kostituzzjonali tippermetti li jkun hemm votazzjonijiet simultanji bil-maġġoranza f'żewġ kostitwenzi etnoreliġjużi jew iktar, u l-politiki jiġu ppromulgati biss jekk jiksbu l-appoġġ tal-maġġoranza mit-tnejn li huma jew minn kollha kemm huma. It-tmexxija b'votazzjoni ta' maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea hija approċċ ta' demokrazija kostituzzjonali għad-demokraziji sovranazzjonali. Din is-sistema fit-Trattat ta' Ruma talloka l-voti lill-Istati Membri skont il-popolazzjonijiet tagħha, iżda hija pponderata sew favur l-istati ż-żgħar. Demokrazija kostituzzjonali tirrikjedi l-konsensus tar-rappreżentanti, filwaqt li d-demokrazija b'konsensus tirrikjedi l-konsensus tal-elettorat.

Demokrazija maġġoritarja
[immodifika | immodifika s-sors]

Id-demokrazija maġġoritarja hija forma ta' demokrazija bbażata fuq prinċipju ta' tmexxija tal-maġġoranza. Id-demokrazija maġġoritarja tikkuntrasta mad-demokrazija b'konsensus, u t-tmexxija tkun bl-akbar ammont ta' nies possibbli.

Demokrazija b'konsensus
[immodifika | immodifika s-sors]

Id-demokrazija b'konsensus tirrikjedi teħid tad-deċiżjonijiet b'konsensus u maġġoranza kbira biex jinkiseb appoġġ akbar mill-maġġoranza sempliċi. B'kuntrast ma' dan, fid-demokrazija maġġoritarja l-fehmiet tal-minoranzi potenzjalment jistgħu jiġu injorati mill-maġġoranzi li jirbħu l-votazzjoni. Il-kostituzzjonijiet tipikament jirrikjedu konsensus jew maġġoranzi kbar.

Demokrazija etnika
[immodifika | immodifika s-sors]

It-terminu demokrazija etnika, kif jintuża minn xi xjenzati politiċi, jipprova jiddeskrivi sistema ta' governanza li tgħaqqad flimkien dominanza etnika strutturata u d-drittijiet demokratiċi, politiċi u ċivili għal kulħadd. Kemm il-grupp etniku dominanti — tipikament maġġoranza etnika — u l-gruppi etniċi tal-minoranzi jkollhom iċ-ċittadinanza u jkunu jistgħu jieħdu sehem bis-sħiħ fil-proċess politiku. Madankollu, il-kritiċi tal-mudell tad-"demokrazija etnika" jsostnu li dan huwa kontradizzjoni, u b'hekk bħala kunċett iħossu li mhux adegwat; dawn il-kritiċi jallegaw li d-demokraziji etniċi, b'mod partikolari Iżrael, mhumiex demokratiċi, u l-iktar l-iktar huma xorta ta' semidemokrazija.

Demokrazija inklużiva
[immodifika | immodifika s-sors]

Id-demokrazija inklużiva hija teorija politika u proġett politiku li għandhom l-għan li jiksbu d-demokrazija diretta fl-oqsma kollha tal-ħajja soċjali: demokrazija politka fil-forma ta' ġemgħat ikkonfederati wiċċ imb wiċċ, demokrazija ekonomika f'ekonomija mingħajr stat, flus u suq, demokrazija fil-qasam soċjali, jiġifieri awtoġestjoni fil-postijiet tax-xogħol u fl-edukazzjoni, u demokrazija ekoloġika li għandha l-għan li tintegra mill-ġdid is-soċjetà u n-natura. Il-proġett teoriku tad-demokrazija inklużiva feġġ mix-xogħol tal-filosfu politiku Takis Fotopoulos imsejjaħ "Lejn Demokrazija Inklużiva" u iktar 'il quddiem ġie żviluppat fil-ġurnal Demokrazija u Natura u s-suċċessur tiegħu Il-Ġurnal Internazzjonali tad-Demokrazija Inklużiva.

Demokrazija parteċipattiva
[immodifika | immodifika s-sors]

Id-demokrazija parteċipattiva hija forma teorika ta' demokrazija mmexxija minn struttura integrata ta' kunsill. Il-filosofija li tiggwidaha hi li l-poplu għandu jkollu l-poter tat-teħid tad-deċiżjonijiet b'mod proporzjonat ma' kemm se taffettwah id-deċiżjoni. Il-kunsilli lokali ta' xi 25–50 ruħ ikunu kompletament awtonomi fir-rigward ta' kwistjonijiet li jaffettwaw lilhom biss, u dawn il-kunsilli jibagħtu delegati f'kunsilli ta' livell ogħla li mill-ġdid ikunu awtonomi fir-rigward tal-kwistjonijiet li jaffettwaw biss lill-popolazzjoni affettwata minn dak il-kunsill.

Qorti tal-kunsill magħmula minn ċittadini magħżula b'mod aleatorju sservi bħala kontroll fil-konfront tat-tirannija tal-maġġoranza, u tirregola liema korp jingħata l-vot fir-rigward tal-kwistjonijiet differenti. Id-delegati jistgħu jivvutaw b'mod differenti mix-xewqa tal-kunsill li jibgħathom iżda jkollhom il-mandat li jikkomunikaw ix-xewqat tagħhom lill-kunsill li jibgħathom. Id-delegati jistgħu jiġu msejħa lura fi kwalunkwe ħin. Ir-referenda jistgħu jsiru fi kwalunkwe ħin permezz ta' votazzjonijiet tal-kunsilli ta' livell inferjuri, madankollu mhux għal kollox jista' jsir referendum inkella x'aktarx li jkun ħela ta' ħin. Id-demokrazija parteċipattiva hija maħsuba biex taħdem id f'id ma' ekonomija parteċipattiva.

Demokrazija proċedurali
[immodifika | immodifika s-sors]

Id-demokrazija proċedurali jew il-proċeduraliżmu jirreferu għal proċeduri partikolari, bħal elezzjonijiet regolari bbażati fuq is-suffraġju universali, li jipproduċu gvern leġittimat b'mod elettorali. Id-demokrazija proċedurali, iċċentrata fuq il-proċessi elettorali bħala l-bażi tal-leġittimità demokratika, spiss tikkuntrasta mad-demokrazija sostantiva jew parteċipattiva, iċċentrata fuq il-parteċipazzjoni ugwali tal-gruppi kollha fis-soċjetà fil-proċess politiku bħala l-bażi tal-leġittimità.

Demokrazija radikali
[immodifika | immodifika s-sors]

Id-demokrazija radikali hija bbażata fuq l-idea li hemm relazzjonijiet ġerarkiċi u oppressivi li jeżistu fis-soċjetà. Ir-rwol tad-demokrazija radikali hu li dawk ir-relazzjonijiet tagħmilhom viżibbli u tikkontestahom billi tippermetti li jkun hemm differenzi, nuqqas ta' qbil u antagoniżmi fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

Demokrazija reliġjuża
[immodifika | immodifika s-sors]

Id-demokrazija reliġjuża hija forma ta' demokrazija fejn il-valuri ta' reliġjon partikolari jew ta' reliġjon statali jingħataw preferenza. It-terminu japplika għall-pajjiżi demokratiċi kollha li fihom ir-reliġjon hija inkorporata fil-forma ta' governanza.

Demokrazija kożmopolita
[immodifika | immodifika s-sors]

Id-demokrazija kożmopolita, magħrufa wkoll bħala demokrazija globali jew federaliżmu dinji, hija sistema politika fejn id-demokrazija hija implimentata fuq skala globali, direttament jew permezz ta' rappreżentanti. Ġustifikazzjoni importanti għal dan it-tip ta' sistema hi li d-deċiżjonijiet meħuda fid-demokraziji nazzjonali jew reġjonali spiss jaffettwaw in-nies lil hinn mill-kostitwenza, li ma jkunux jistgħu jivvutaw. B'kuntrast għal dan, f'demokrazija kożmopolita, in-nies li jkunu affettwati mid-deċiżjonijiet jieħdu sehem fit-teħid tagħhom.

Skont dawk li huma favur din id-demokrazija, kwalunkwe tentattiv biex tinstab soluzzjoni għall-problemi globali jmur kontra d-demokrazija jekk ma jkunx hemm xi forma ta' demokrazija kożmopolita. Il-prinċipju ġenerali tad-demokrazija kożmopolita hu li xi valuri u normi tad-demokrazija jew kollha kemm huma jitwessgħu, inkluż l-istat tad-dritt; is-soluzzjoni mhux vjolenti tal-kunflitti; u l-ugwaljanza fost iċ-ċittadini, lil hinn mil-limiti tal-istat. Sabiex din tiġi implimentat bis-sħiħ, tkun teħtieġ riformi fir-rigward tal-organizzazzjonijiet internazzjonali eżistenti, eż. in-Nazzjonijiet Uniti, kif ukoll il-ħolqien ta' istituzzjonijiet ġodda bħal Parlament Dinji, li idealment itejjeb il-kontroll pubbliku fuq il-politika internazzjonali u r-rendikont tal-għemil tal-politiċi.

Id-demokrazija kożmopolita ġiet promossa, fost l-oħrajn, mill-fiżiku Albert Einstein, mill-kittieb Kurt Vonnegut, mill-artikolista fil-gazzetti George Monbiot, u mill-Professuri David Held u Daniele Archibugi. Il-ħolqien tal-Qorti Kriminali Internazzjonali fl-2003 tqieset bħala pass kbir 'il quddiem minn bosta persuni li huma favur dan it-tip ta' demokrazija kożmopolita.

Demokrazija kreattiva
[immodifika | immodifika s-sors]

Id-demokrazija kreattiva ġiet deskritta mill-filosfu Amerikan John Dewey. L-idea prinċipali dwar id-demokrazija kreattiva hi li d-demokrazija tħeġġeġ il-bini tal-kapaċitajiet individwali u l-interazzjoni fis-soċjetà. Dewey isostni li d-demokrazija hija stil ta' ħajja fix-xogħol tiegħu msejjaħ Demokrazija Kreattiva: Il-Kompitu Quddiemna u esperjenza mibnija fuq il-fidi fin-natura umana, il-fidi fil-bnedmin u l-fidi fil-ħidma mal-oħrajn. Fil-fehma ta' Dewey, id-demokrazija hija ideal morali li tirrikjedi sforz reali u ħidma min-nies; mhijiex kunċett istituzzjonali li teżisti waħedha. Dewey jikkonkludi li "l-kompitu tad-demokrazija hija dejjem dik tal-ħolqien ta' esperjenza iktar libera u iktar umana fejn kulħadd jikkondividi u jikkontribwixxi".

Demokrazija ggwidata
[immodifika | immodifika s-sors]

Id-demokrazija ggwidata hija forma ta' demokrazija li tinkorpora elezzjonijiet popolari regolari, iżda li sikwit "tiggwida" bir-reqqa l-għażliet offruti lill-elettorat b'mod li jista' jnaqqas il-kapaċità tal-elettorat li tassew jiddetermina t-tip ta' governanza eżerċitata fuqu. Dawn id-demokraziji tipikament ikollhom awtorità ċentrali waħda li spiss ma tkunx soġġetta għal rieżami pubbliku reali minn xi awtorità governattiva oħra. L-istil Russu tad-demokrazija spiss ġie deskritt bħala "demokrazija ggwidata". Il-politiċi Russi rreferew għall-gvern tagħhom bħala li għandu ċentru wieħed ta' poter/awtorità, għad-differenza tal-biċċa l-kbira tal-forom l-oħra ta' demokrazija li normalment jippruvaw jinkorporaw żewġ sorsi jew iktar li jikkompetu ma' xulxin fi ħdan l-istess gvern.

Tfittxija ta' fehim komuni

[immodifika | immodifika s-sors]

It-tfittxija ta' approċċ komuni għall-kejl u għat-tqabbil tad-demokrazija, u għad-demokrazija bħala kunċett, għadha sfida fix-xjenza politika moderna. Din l-isfida tipprova tkejjel, tivvaluta u tqabbel il-kwalità tad-demokrazija, kif indikat minn Seva Gunitsky fl-2015 fil-Washington Post, abbażi tar-riċerka tiegħu għal Ranking the World – Grading States as a Tool of Global Governance, fejn il-kejl tad-demokrazija jista' jqarraq daqs kemm jiċċara l-affarijiet – problema għall-akkademiċi, għall-fassala tal-politiki u għal kull minn għandu għall-qalbu d-demokrazija.

Fil-kontribut tiegħu Lost in the Gray Zone: Competing Measures of Democracy in the Former Soviet Republics to Ranking the World, fir-rigward tal-eżempju tal-eks repubbliki Sovjetiċi, huwa jeżamina l-problemi fundamentali rigward il-kejl tad-demokrazija, u josserva li l-indiċijiet spiss ma jaqblux u okkażjonalment jaslu għal konklużjonijiet kontradittorji mill-osservazzjoni tal-istess avveniment. Huwa jsostni li dan jirrifletti d-difetti inerenti fil-kunċettwalizzazzjoni tal-governanza demokratika, li jfeġġu mid-diżgwidi normattivi fundamentali dwar kunċett ikkontestat ferm.

Fl-2011, Michael Coppedge, John Gerring et al. ipproponew approċċ għal tali kunċettwalizzazzjoni u kejl. Fis-saġġ tagħhom Il-Kunċettwalizzazzjoni u l-Kejl tad-Demokrazija: Approċċ Ġdid huma jirrieżaminaw uħud mid-dgħufijiet fost l-approċċi kontemporanji u iktar antiki, u mbagħad jixtarru l-approċċ tagħhom, u jikkaratterizzawh bħala storiku, multidimensjonali, diżaggregat u trasparenti. L-awturi jipproponu li jinħoloq sett ġdid ta' erba' karatteristiċi għall-kunċettwalizzazzjoni u għall-kejl tad-demokrazija. L-ewwel nett, l-approċċ storiku, fejn l-indikaturi tad-demokrazija jiġu estiżi sal-istorja moderna, kull fejn ikun possibbli. It-tieni, approċċ multidimensjonali għall-problema tal-kunċettwalizzazzjoni tad-demokrazija. It-tielet, il-ġbir tal-informazzjoni rilevanti għad-demokrazija f'livell tassew diżaggregat. Ir-raba', l-approċċ trasparenti, strateġija għall-ġbir u għall-preżentazzjoni tad-data li għandha ttejjeb il-preċiżjoni, il-validità, it-trasparenza u l-leġittimità tal-indikaturi li jirriżultaw. Dawn jiġbru flimkien ukoll il-kunċetti u/jew l-aspetti tad-demokrazija f'sitt approċċi – elettorali, liberali, maġġoritarju, parteċipattiv, deliberattiv u egalitarju, li flimkien joffru rendikont pjuttost komprensiv tal-kunċett ta' demokrazija kif jintuża llum (ara l-ħarsa ġenerali fit-tabella ta' hawn taħt).

Il-kunċetti tad-demokrazija ta' Michael Coppedge, John Gerring et al., 2011
Prinċipji Mistoqsija Istituzzjonijiet

I. Elettorali Kontestazzjoni, kompetizzjoni. Il-karigi tal-gvern huma okkupati permezz ta' elezzjonijiet ħielsa u liberi b'diversi partiti? Elezzjonijiet, partiti politiċi, kompetittività u kemm joħorġu jivvutaw.
II. Liberali Governanza limitata, diversi punti ta' veto, responsabbiltà orizzontali, drittijiet tal-individwu, libertajiet ċivili, trasparenza. Il-poter politiku huwa deċentralizzat u ristrett? Diversi partiti, indipendenti u deċentralizzat, b'enfasi speċjali fuq ir-rwol tal-midja, tal-gruppi ta' interess, il-ġudikatura u kostituzzjoni miktuba b'garanziji espliċiti.
III. Maġġoritarju Tmexxija tal-maġġoranza, ċentralizzazzjoni, responsabbiltà vertikali. Il-maġġoranza (jew il-pluralità) tmexxi? Ikkonsolidat u ċentralizzat, b'enfasi speċjali fuq ir-rwol tal-partiti politiċi.
IV. Parteċipattiv Governanza tal-poplu. Iċ-ċittadini ordinarji jipparteċipaw fil-politika? Liġi elettorali, soċjetà ċivili, governanza lokali, demokrazija diretta.
V. Deliberattiv Governanza bir-raġuni. Id-deċiżjonijiet politiċi huma frott id-deliberazzjonijiet pubbliċi? Midja, smigħ, panels, korpi deliberattivi oħra.
VI. Egalitarju Ugwaljanza politika. Iċ-ċittadini kollha għandhom setgħat indaqs? Żgurar ta' parteċipazzjoni ndaqs, rappreżentanza, protezzjoni u riżorsi rilevanti politikament.

Kejl tad-demokrazija

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-kejl tad-demokrazija jvarja skont il-kunċetti fundamentali differenti tad-demokrazija. L-evalwazzjonijiet tad-demokrazija minimalista jiffukaw fuq l-elezzjonijiet ħielsa u ġusti, filwaqt li d-demokrazija massimalista tevalwa valuri addizzjonali, bħad-drittijiet tal-bniedem, id-deliberazzjoni, l-eżiti ekonomiċi jew il-kapaċità tal-istat.

Demokrazija mhux governattiva

[immodifika | immodifika s-sors]

Apparti l-isfera pubblika, intużaw prinċipji u mekkaniżmi demokratiċi simili tal-votazzjoni u tar-rappreżentanza biex jirregolaw tipi oħra ta' gruppi. Bosta organizzazzjonijiet mhux governattivi jiddeċiedu dwar il-politiki u t-tmexxija permezz tal-votazzjoni. Il-biċċa l-kbira tat-trade unions u tal-kooperattivi huma rregolati b'elezzjonijiet demokratiċi. Fl-aħħar mill-aħħar il-korporazzjonijiet jiġu rregolati mill-azzjonisti tagħhom permezz tad-demokrazija tal-azzjonisti. Il-korporazzjonijiet jistgħu jużaw sistemi bħad-demokrazija tal-post tax-xogħol biex jindirizzaw il-governanza interna. Amitai Etzioni fassal sistema li tgħaqqad l-elementi tad-demokrazija mal-liġi tax-xarija, imsejħa demokrazija Iżlamika jew Iżlamokrazija. Kulma jmur hemm għadd dejjem jikber ta' istituzzjonijiet edukattivi demokratiċi bħall-iskejjel ta' Sudbury li huma koregolati mill-istudenti u mill-persunal tal-iskejjel.

Demokrazija tal-azzjonisti

[immodifika | immodifika s-sors]

Id-demokrazija tal-azzjonisti hija kunċett relatat mal-governanza tal-korporazzjonijiet mill-azzjonisti tagħhom. Fl-Istati Uniti, l-azzjonisti tipikament jingħataw id-drittijiet tal-votazzjoni skont il-prinċipju ta' sehem wieħed, vot wieħed. L-azzjonisti jkunu jistgħu jivvutaw kull sena biex jeleġġu l-bord tad-diretturi tal-kumpanija, li mbagħad jagħżlu huma stess il-membri eżekuttivi tal-kumpanija. Il-qafas tad-demokrazija tal-azzjonisti jaf ma jkunx tajjeb għall-kumpaniji bi klassijiet differenti ta' stocks li jkomplu jibdlu iktar id-distribuzzjoni tad-drittijiet tal-votazzjoni.

Ġustifikazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Ingħataw diversi ġustifikazzjonijiet għad-demokrazija.

Leġittimità

[immodifika | immodifika s-sors]

It-teorija tal-kuntratt soċjali ssostni li l-leġittimità tal-governanza hija bbażata fuq dawk li jkunu ggvernati, jiġifieri elezzjoni, u li d-deċiżjonijiet politiċi jridu jirriflettu r-rieda ġenerali. Il-leġittimità pubblika tad-demokrazija tvarja minn pajjiż għall-ieħor, u f'xi pajjiżi t-testi reliġjużi għandhom iktar appoġġ pubbliku mir-rieda tan-nies.

Teħid ta' deċiżjonijiet aħjar

[immodifika | immodifika s-sors]

It-teorema tal-ġurija ta' Condorcet hija prova loġika li jekk kull min jieħu d-deċiżjonijiet ikollu probabbiltà akbar li jieħu d-deċiżjoni t-tajba, allura li jkollok l-ikbar għadd ta' dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, jiġifieri demokrazija, jirriżulta fl-aqwa deċiżjonijiet. Dan ġie argumentat ukoll minn teoriji tal-għerf tal-folla. Id-demokrazija għandha t-tendenza li ttejjeb is-soluzzjonijiet għall-kunflitti.

Suċċess ekonomiku

[immodifika | immodifika s-sors]

F'Why Nations Fail, l-ekonomisti Daron Acemoglu u James A. Robinson isostnu li d-demokraziji jkollhom suċċess ekonomiku akbar minħabba li s-sistemi politiċi mhux demokratiċi għandhom it-tendenza li jillimitaw is-swieq u jiffavorixxu l-monopolji a skapitu tal-qerda kreattiva meħtieġa għat-tkabbir ekonomiku sostnut.

Studju tal-2019 ta' Acemoglu u oħrajn stima li l-pajjiżi li minn tmexxija awtoritarja jaqilbu għal tmexxija demokratika, bħala medja kellhom PDG 20 % ogħla wara 25 sena, milli kieku jibqgħu bi tmexxija awtoritarja. L-istudju eżamina 122 tranżizzjoni għad-demokrazija u 71 tranżizzjoni għat-tmexxija awtoritarja, li seħħew mill-1960 sal-2010. Acemoglu qal li dan seħħ minħabba li d-demokraziji kellhom it-tendenza li jinvestu iktar fil-kura tas-saħħa u fil-kapital uman, u jnaqqsu t-trattament speċjali tal-alleati tar-reġimi.

Studju tal-2023 analizza l-effetti fit-tul tad-demokrazija fuq il-prosperità ekonomika billi uża data ġdida dwar il-PDG pro capita u d-demokrazija għal sett tad-data ta' bejn l-1789 u l-2019. Ir-riżultati jindikaw li d-demokrazija żżid sostanzjalment l-iżvilupp ekonomiku.

Il-qgħad huwa assoċjat mat-twemmin antidemokratiku.

Id-demokrazija bħala kunċett u bħala forma prattika ta' governanza kienet fil-mira tal-kritika tul l-istorja. Xi kritiċi jqisu li r-reġimi demokratiċi spiss ma jirnexxilhomx iżommu mal-ogħla prinċipiji mistennija minnhom, filwaqt li oħrajn jirrifjutaw għalkollox jew parzjalment il-valuri promossi mid-demokrazija kostituzzjonali.

L-oppożizzjoni fil-konfront tad-demokrazija tmur lura għal żmien Platun, li kien iktar favur "gvern tal-iktar ikkwalifikati". Iktar reċentement, James Madison studja b'mod estensiv l-argumenti storiċi kontra u favur id-demokrazija fit-tħejjija tiegħu għall-Konvenzjoni Kostituzzjonali, u Winston Churchill irrimarka li "ħadd ma jippretendi li d-demokrazija hija perfetta jew tajba għalkollox. Tabilħaqq, intqal li d-demokrazija hija l-agħar forma ta' governanza għajr dawk il-forom l-oħra kollha li ġew ippruvati minn żmien għal żmien".

Il-kritiċi jsostnu li d-demokraziji moderni jaf ma jkunux biżżejjed demokratiċi u minflok fil-prattika jiffunzjonaw bħala oligarkiji, peress li l-gvernijiet jagħtu iktar widen lill-preferenzi tal-elit ekonomiku milli l-preferenzi taċ-ċittadini ordinarji. Bosta studji empiriċi fost id-diversi demokraziji tal-Punent, inkluż l-Istati Uniti, Spanja, l-Iżvezja, l-Iżvizzera, il-Kanada, in-Norveġja u l-Ġermanja, sabu b'mod konsistenti li r-rappreżentanti eletti jkollhom it-tendenza li jwieġbu iktar għall-preferenzi taċ-ċittadini affluwenti ħafna għall-eżiti ta' politiki milli għal dawk tal-votant medju.

Xi kritiċi tad-demokrazija saħqu dwar l-inkonsistenzi, il-paradossi u l-limiti tal-kunċett: u xtarrew kuntrasti ma' forom oħra ta' governanza, bħall-epistokrazija jew il-lottokrazija. Oħrajn ikkaratterizzaw l-iżjed demokraziji moderni bħala poliarkiji demokratiċi u aristokraziji demokratiċi. Iżda oħrajn identifikaw mumenti Faxxisti fid-demokraziji moderni. Dawn sejħu lis-soċjetajiet prodotti mid-demokraziji moderni bħala neofewdali u kkuntrastaw id-demokrazija mal-Faxxiżmu, mal-anarkokapitaliżmu, mat-teokrazija u mal-monarkija assoluta.

Tranżizzjonijiet demokratiċi

[immodifika | immodifika s-sors]

Tranżizzjoni demokratika tiddeskrivi fażi fis-sistema politika tal-pajjiż, li spiss tinħoloq bħala riżultat ta' bidla mhux kompluta minn reġim awtoritarju għal sistema demokratika (jew bil-kontra).

Demokratizzazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Id-demokratizzazzjoni hija t-tranżizzjoni governattiva strutturali minn gvern awtoritarju għal reġim politiku iktar demokratiku, inkluż il-bidliet politiċi sostantivi favur direzzjoni demokratika. Il-proċess oppost ta' tranżizzjoni demokratika huwa magħruf bħala awtokratizzazzjoni. Isseħħx jew le d-demokratizzazzjoni u kemm jaf jiġu influwenzati minn diversi fatturi, fosthom l-iżvilupp ekonomiku, il-legati storiċi, is-soċjetà ċivili u l-proċessi internazzjonali. Xi rendikonti dwar id-demokratizzazzjoni jenfasizzaw kif l-elit xpruna d-demokratizzazzjoni, filwaqt li rendikonti oħra jenfasizzaw il-proċessi minn isfel għal fuq. Kif isseħħ id-demokratizzazzjoni ntużat biex tispjega fenomeni politiċi oħra, bħal jekk pajjiż imurx fi gwerra jew jekk ekonomija tikbirx.

Diversi filosfi u riċerkaturi ddeskrivew fatturi storiċi u soċjali meqjusa bħala appoġġ għall-evoluzzjoni tad-demokrazija. Kummentaturi oħra semmew l-influwenza tal-iżvilupp ekonomiku. F'teorija relatata, Ronald Inglehart jissuġġerixxi li l-istandards tal-għajxien imtejbin fil-pajjiżi żviluppati moderni jistgħu jikkonvinċu lin-nies li jistgħu jieħdu l-għajxien bażiku tagħhom bħala ovvju, u b'hekk iwassal għal enfasi miżjuda fuq il-valuri tal-awtoespressjoni, korrelatata mill-qrib mad-demokrazija.

Douglas M. Gibler u Andrew Owsiak fl-istudju tagħhom tkellmu dwar l-importanza tal-paċi u tal-fruntieri stabbli għall-iżvilupp tad-demokrazija. Spiss ġie preżunt li d-demokrazija tikkawża l-paċi, iżda dan l-istudju juri li storikament il-paċi kważi dejjem kienet preżenti qabel l-istabbiliment tad-demokrazija.

Carroll Quigley jikkonkludi li l-karatteristiċi tal-armi jimxu id f'id b'mod prinċipali mad-demokrazija: ix-xenarju tad-demokrazija donnu jfeġġ biss meta l-aqwa armi jkunu faċilment disponibbli għall-individwi u jistgħu jintużaw. Sal-bidu tas-seklu 19, il-pistoli kienu l-aqwa armi personali disponibbli, u fl-Istati Uniti tal-Amerka (li diġà kienu nominalment demokratiċi), kważi kulħadd kien jiflaħ jixtri pistola, u seta' jitgħallem kif jużaha pjuttost faċilment. Il-gvernijiet ma setgħux jagħmlu wisq aħjar: kienet saret l-epoka ta' armati tal-massa ta' ċittadini suldati bil-pistoli. B'mod simili, il-Greċja ta' żmien Pericles kienet epoka taċ-ċittadini suldati u tad-demokrazija.

Teoriji oħra saħqu dwar ir-rilevanza tal-edukazzjoni u tal-kapital uman — u fi ħdanhom l-importanza tal-kapaċità konjittiva li jiżdiedu t-tolleranza, ir-razzjonalità, il-litteriżmu politiku u l-parteċipazzjoni. Żewġ effetti tal-edukazzjoni u tal-kapaċità konjittiva jiġu distinti:

  • effett konjittiv (il-kompetenza li wieħed jieħu deċiżjonijiet razzjonali; l-ipproċessar aħjar tal-informazzjoni);
  • effett etiku (l-appoġġ għall-valuri demokratiċi, għal-libertà, għad-drittijiet tal-bniedem, eċċ.), li fih innifsu jiddependi fuq l-intelliġenza.

Diffiċli li wieħed isib evidenza konsistenti permezz tat-teoriji konvenzjonali għaliex tfeġġ id-demokrazija u tiġi sostnuta. L-analiżijiet statistiċi kkontestaw it-teorija tal-modernizzazzjoni billi wrew li ma hemm l-ebda evidenza affidabbli biex wieħed jgħid li d-demokrazija x'aktarx li tfeġġ iktar meta l-pajjiżi jsiru iktar għonja, iktar edukati, jew inqas inugwali. Fil-fatt, l-evidenza empirika turi li t-tkabbir ekonomiku u l-edukazzjoni jaf ma jwasslux għal żieda fid-domanda għad-demokratizzazzjoni kif tissuġġerixxi t-teorija tal-modernizzazzjoni: storikament, il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi kisbu livelli għoljin ta' aċċess għall-edukazzjoni primarja ferm qabel ma waslu għat-tranżizzjoni lejn id-demokrazija. Iktar milli serviet bħala katalist għad-demokratizzazzjoni, minflok f'xi sitwazzjonijiet l-edukazzjoni jaf tintuża mir-reġimi mhux demokratiċi biex jindottrinaw lin-nies u jsaħħu s-setgħa tagħhom.

Ir-rabta preżunta bejn l-edukazzjoni u t-tkabbir ekonomiku tiġi kkontestata meta tiġi analizzata l-evidenza empirika. F'pajjiżi differenti, il-korrelazzjoni bejn il-ksib tal-edukazzjoni u l-punteġġi fl-eżamijiet tal-matematika hija dgħajfa ferm (.07). Relazzjoni dgħajfa wkoll teżisti bejn in-nefqiet għal kull student u l-kompetenza fil-matematika (.26). Barra minn hekk, l-evidenza storika tissuġġerixxi li l-kapital uman medju (imkejjel bl-użu tar-rati tal-litteriżmu) tal-mases ma jispjegax l-istabbiliment tal-industrijalizzazzjoni fi Franza mill-1750 sal-1850 minkejja l-argumenti kontra dan. Flimkien, dawn is-sejbiet juru li l-edukazzjoni mhux dejjem tippromwovi l-kapital uman u t-tkabbir ekonomiku kif ġeneralment jiġi sostnut li huwa l-każ. Minflok, l-evidenza timplika li l-għoti tal-edukazzjoni spiss ma jilħaqx l-għanijiet espressi, jew inkella li l-atturi politiċi jużaw l-edukazzjoni biex jippromwovu għanijiet oħra għajr it-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp.

Xi studjużi fittxew determinanti "profondi" tal-istituzzjonijiet politiċi kontemporanji, kemm ġeografiċi kif ukoll demografiċi.

Eżempju ta' dan huwa l-ambjent tal-mard. Il-postijiet b'rati differenti ta' mortalità kellhom livelli differenti ta' popolazzjonijiet u ta' produttività madwar id-dinja. Pereżempju, fl-Afrika, id-dubbiena tsetse — li taffettwa lill-bnedmin u lill-bhejjem — naqqset il-kapaċità tal-Afrikani li jaħartu l-art. B'hekk l-Afrika ġiet insedjata inqas. Minħabba dan, il-poter politiku kien inqas ikkonċentrat. Dan affettwa wkoll l-istituzzjonijiet kolonjali li l-pajjiżi Ewropej stabbilew fl-Afrika. Il-kapaċità jew in-nuqqas ta' kapaċità li l-insedjaturi kolonjali jgħixu f'post kienet twassal/kien iwassal biex jiżviluppaw istituzzjonijiet differenti li wasslu għal mogħdijiet ekonomiċi u soċjali differenti. Dan affettwa wkoll id-distribuzzjoni tal-poter u l-azzjonijiet kollettivi li n-nies setgħu jieħdu. B'hekk, xi pajjiżi Afrikani spiċċaw għandhom demokraziji u oħrajn għandhom awtokraziji.

Eżempju tad-determinanti ġeografiċi għad-demokrazija huwa l-aċċess għaż-żoni kostali u għax-xmajjar. Dan l-aspett naturali għandu relazzjoni pożittiva mal-iżvilupp ekonomiku bis-saħħa tal-benefiċċji tal-kummerċ. Il-kummerċ ġab miegħu l-iżvilupp ekonomiku, li mbagħad, wessa' l-poter. Il-mexxejja li riedu jżidu d-dħul tagħhom kellhom jipproteġu d-drittijiet tal-proprjetà biex joħolqu inċentivi biex in-nies jinvestu. Iktar ma iktar nies kellhom iktar poter, iktar kellhom jingħataw konċessjonijiet mill-mexxejja u f'bosta postijiet dan il-proċess wassal għad-demokrazija. Dawn id-determinanti ddefinew l-istruttura tas-soċjetà u ċaqilqu l-bilanċ tal-poter politiku.

Robert Michels isostni li għalkemm id-demokrazija qatt ma tista' titwettaq bis-sħiħ, id-demokrazija tista' tiġi żviluppata b'mod awtomatiku meta wieħed jistinka għad-demokrazija:

Ir-raħħal fil-ġrajja, meta jkun fuq is-sodda tal-mewt tiegħu, jgħid lil uliedu li hemm teżor mirdum fl-għalqa. Wara l-mewt tar-raħħal anzjan, uliedu jħaffru kullimkien sabiex isibu t-teżor. Iżda ma jsibuhx. Madankollu, ix-xogħol bla heda tagħhom itejjeb il-ħamrija u jagħtihom benessri aħjar. It-teżor fil-grajja jista' jitqies bħala simbolu tad-demokrazija.

Id-demokrazija fiż-żminijiet moderni kważi dejjem iffaċċjat oppożizzjoni mill-gvern eżistenti preċedenti, u ħafna drabi ffaċċjat oppożizzjoni mill-elit soċjali. L-implimentazzjoni ta' gvern demokratiku minn stat mhux demokratiku tipikament ġabet magħha rivoluzzjoni demokratika paċifika jew vjolenti.

L-Istitut V-Dem sab li fl-2026 id-demokratizzazzjoni kienet għadha sseħħ fi 18-il pajjiż: il-Benin, il-Bolivja, il-Botswana, il-Brażil, ir-Repubblika Dominicana, il-Fiġi, il-Gwatemala, il-Lesoto, il-Mauritius, il-Montenegro, il-Polonja, is-Seychelles, il-Gżejjer Solomon, is-Sri Lanka, Timor Leste, it-Tajlandja, il-Gambja u ż-Żambja.

Promozzjoni tad-demokrazija
[immodifika | immodifika s-sors]

Il-promozzjoni tad-demokrazija tista' żżid il-kwalità tad-demokraziji eżistenti diġà, tnaqqas l-apatija politika u tnaqqas il-possibbiltà li d-demokrazija tmur lura. Il-miżuri tal-promozzjoni tad-demokrazija jinkludu l-applikazzjonijiet tal-pariri dwar il-votazzjoni, id-demokrazija parteċipattiva, iż-żieda tal-integrità elettorali, is-suffraġju taż-żgħażagħ u l-edukazzjoni ċivika, it-tnaqqis tax-xkiel għall-ħolqien ta' partiti politiċi ġodda, iż-żieda tal-proporzjonalità, it-tnaqqis tal-Presidenzjaliżmu u l-allinjament mal-preferenzi tal-votanti medjani.

Awtokratizzazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

It-tranżizzjoni minn demokrazija għal awtokrazija hija forma ta' awtokratizzazzjoni, proċess ta' tranżizzjoni strutturali tal-governanza lejn l-awtoritarjaniżmu fejn l-eżerċitar tal-poter politiku jsir inqas limitat u iktar arbitrarju u repressiv. Din it-tranżizzjoni tassumi punt ta' tluq ta' sistema demokratika. Tipikament il-proċess jirrestrinġi l-ispazju għal kontestazzjonijiet pubbliċi u għal parteċipazzjoni politika fil-proċess tal-għażla tal-gvern. Din it-tranżizzjoni twassal biex l-istituzzjonijiet demokratiċi jsiru iktar dgħajfa, bħat-tranżizzjoni paċifika tal-poter jew l-elezzjonijiet ħielsa u ġusti, jew it-tkasbir tad-drittijiet tal-individwu li jirfdu d-demokraziji, speċjalment il-libertà tal-espressjoni. Din it-tranżizzjoni hija l-oppost tad-demokratizzazzjoni.

Steven Levitsky jgħid: "Mhuwiex il-kompitu tal-votanti li jiddefendu d-demokrazija. Tkun qed titlob wisq mill-votanti, li jixħtu l-vot tagħhom abbażi ta' xi sett ta' prinċipji jew proċeduri astratti. Bl-eċċezzjoni ta' ftit każijiet, il-votanti qatt u qatt — fl-ebda soċjetà, fl-ebda kultura — ma jagħtu prijorità lid-demokrazija fuq kollox. Il-votanti individwali jitħassbu fuq affarijiet ferm iktar sempliċi, u għandhom kull dritt jagħmlu dan. Huwa f'idejn l-elit u l-istituzzjonijiet li jipproteġu d-demokrazija — mhux f'idejn il-votanti".

L-Istitut V-Dem sab li fl-2026 l-awtokratizzazzjoni kienet qed isseħħ f'44 pajjiż: l-Afganistan, l-Arġentina, l-Armenja, il-Belarussja, il-Burkina Faso, il-Kambodja, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana, il-Kroazja, il-Georgia, il-Greċja, il-Guinea, il-Guinea-Bissau, El Salvador, il-Haiti, Hong Kong, l-Ungerija, l-Indja, l-Indoneżja, l-Italja, il-Kosta tal-Avorju, il-Kuwajt, il-Kirgiżistan, il-Libja, il-Mali, il-Madagascar, il-Mawritanja, il-Messiku, il-Moldova, il-Mozambique, il-Burma/Myanmar, in-Nikaragwa, in-Niġer, il-Pakistan, il-Perù, il-Filippini, is-Slovakkja, is-Slovenja, is-Senegal, is-Serbja, ir-Rumanija, it-Togo, l-Ukrajna, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti.

Xi gvernijiet demokratiċi esperjenzaw kollass f'daqqa tal-istat u bidla fir-reġim favur forma mhux demokratika ta' governanza. Il-kolpi militari jew ir-ribelljonijiet domestiċi huma l-iżjed mezzi komuni li bihom jitneħħew il-gvernijiet demokratiċi. Xi eżempji jinkludu l-Gwerra Ċivili Spanjola, il-Kolp tat-18-il Brumaire li temm l-Ewwel Repubblika Franċiża, u l-kolp ta' stat tat-28 ta' Mejju 1926 li temm l-Ewwel Repubblika Portugiża. Xi kolpi militari ġew appoġġati minn gvernijiet barranin, bħall-kolp ta' stat tal-Gwatemala tal-1954 u l-kolp ta' stat Iranjan tal-1953. Tipi oħra ta' tmiem f'daqqa tad-demokrazija jinkludu:

  • Invażjoni, pereżempju l-okkupazzjoni Ġermaniża taċ-Ċekoslovakkja, u l-waqgħa tal-Vjetnam t'Isfel.
  • Kolp intern, fejn il-mexxej tal-gvern jaħtaf b'mod ekstralegali l-poteri kollha jew jestendi illegalment il-mandat tiegħu. Dan jista' jsir permezz ta':
    • Sospensjoni tal-kostituzzjoni b'digriet, bħalma ġara fil-kolp ta' stat Peruvjan tal-1992;
    • "Kolp elettorali intern" bl-użu ta' frodi elettorali biex tinkiseb l-elezzjoni mill-ġdid ta' uffiċjal jew partit politiku li qabel kienu ġew eletti b'mod ġust. Pereżempju, fl-elezzjoni Presidenzjali Ukrena tal-1999, fl-elezzjoni leġiżlattiva Russa tal-2003, u fl-elezzjoni Presidenzjali Russa tal-2004.
  • Kolp irjali, fejn monarka li normalment ma jkunx involut fil-governanza jaħtaf il-poter kollu. Pereżempju, id-Dittatura tas-6 ta' Jannar, li bdiet fl-1929 meta r-Re Alessandru I tal-Jugoslavja żarma l-Parlament u beda jmexxi b'digriet.

L-awtokratizzazzjoni tista' ttemm id-demokrazija b'mod gradwali, billi żżid l-enfasi fuq is-sigurtà nazzjonali u tnawwar l-elezzjonijiet ħielsa u ġusti, il-libertà tal-kelma, l-indipendenza tal-ġudikatura u l-istat tad-dritt. Eżempju famuż huwa l-Att ta' Faċilitazzjoni tal-1933, li temm id-demokrazija legalment f'Weimar, il-Ġermanja u mmarka t-tranżizzjoni lejn Ġermanja Nażista.

Il-vjolenza politika u l-indħil fil-gvern b'mod temporanju jew fit-tul jistgħu jipprevjenu l-elezzjonijiet ħielsa u ġusti, u dan inawwar in-natura demokratika tal-gvernijiet. Dan seħħ fuq livell lokali anke f'demokraziji stabbiliti sew bħall-Istati Uniti; pereżempju, ir-rewwixta ta' Wilmington tal-1898 u l-irvelli Afrikani-Amerikani wara l-era tar-Rikostruzzjoni.

Influwenza tal-midja

[immodifika | immodifika s-sors]

It-teorija tad-demokrazija tiddependi fuq il-preżunzjoni impliċita li l-votanti jkunu infurmati sew dwar il-kwistjoni soċjali, il-politiki u l-kandidati sabiex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjoni infurmata sew. Mill-aħħar tas-seklu 20 kien hemm tħassib serju li l-votanti jaf ma jkunux infurmati sew minħabba li l-midja kulma jmur qed tiffoka fuq id-divertiment u z-zekzik u inqas fuq ir-riċerka ġurnalistika serja fuq il-kwistjonijiet politiċi.

Il-Professuri tal-midja Michael Gurevitch u Jay Blumler ipproponew għadd ta' funzjonijiet li l-mezzi tax-xandir tal-massa huma mistennija li jissodisfaw f'demokrazija:

  • Sorveljanza tal-ambjent soċjopolitiku;
  • Iffissar serju tal-aġendi;
  • Pjattaformi għal konsulenzi ċari u illuminanti;
  • Djalogu fost firxa wiesgħa ta' fehmiet;
  • Mekkaniżmi biex l-uffiċjali jagħtu rendikont ta' għemilhom rigward kif eżerċitaw il-poter;
  • Inċentivi biex iċ-ċittadini jitgħallmu, jagħżlu u jinvolvu ruħhom;
  • Reżistenza bi prinċipji għall-isforzi ta' forzi lil hinn mill-midja biex ifixklu l-indipendenza, l-integrità u l-kapaċità tal-midja li taqdi lill-udjenza;
  • Sens ta' rispett tal-udjenza.

Din il-proposta ispirat ħafna diskussjonijiet dwar jekk il-midja hijiex tassew qed tissodisfa r-rekwiżiti meħtieġa minn demokrazija li tiffunzjona sew. Il-mezzi tax-xandir kummerċjali tal-massa ġeneralment ma jagħtu rendikont ta' għemilhom lil ħadd ħlief lis-sidien tagħhom, u ma għandhom l-ebda obbligu li jaqdu funzjoni demokratika. Ikunu kkontrollati mill-forzi tas-swieq ekonomiċi. Kompetizzjoni ekonomika qalila tista' twassal biex il-mezzi tax-xandir tal-massa jitbegħdu minn kwalunkwe ideal demokratiku u jiffukaw għalkollox fuq kif ikampaw fid-dawl tal-kompetizzjoni.

Il-popolarizzazzjoni u z-zekzik fil-mezzi tax-xandir tal-massa jitqiesu li qed jiffukaw iktar fuq eżempji umani iktar milli fuq l-istatistika u l-prinċipji. Hemm iktar enfasi fuq il-politiċi bħala personalitajiet u inqas enfasi fuq il-kwistjonijiet politiċi fil-midja popolari. Il-kampanji elettorali qed jiġu koperti iktar bħala kompetizzjonijiet u inqas bħala dibattiti dwar l-ideoloġiji u l-kwistjonijiet tas-soċjetà. Din l-enfasi tal-midja fuq l-istrateġiji kompetittivi, ta' kunflitt u ta' partiġjaniżmu wasslet biex il-votanti jipperċepixxu lill-politiċi bħala egoisti minflok idealisti. Dan irawwem in-nuqqas ta' fiduċja u attitudni ċinika lejn il-politika, inqas involviment ċiviku u inqas interess fil-votazzjoni. Il-kapaċità li jinstabu soluzzjonijiet politiċi effettivi għall-problemi soċjali tixxekkel meta l-problemi donnhom jiġu indikati bħala tort tal-individwi minflok minħabba kawżi strutturali. Din l-enfasi ċċentrata fuq il-persuni jaf ikollha konsegwenzi dejjiema mhux biss għall-problemi domestiċi iżda anke għall-politika barranija meta l-kunflitti internazzjonali jiġu indikati bħala tort tal-kapijiet ta' stat barranin minflok minħabba l-istrutturi politiċi u ekonomiċi. Enfasi qawwija tal-midja fuq il-biża' u t-terroriżmu wasslet biex il-loġika militari tippenetra fl-istituzzjonijiet pubbliċi, u b'hekk wasslet għal żieda fis-sorveljanza u għat-tnawwir tad-drittijiet ċivili.

Ir-risponsività u r-responsabbiltà tas-sistema demokratika tiġi kompromessa meta n-nuqqas tal-aċċess għal informazzjoni sostantiva, diversifikata u mingħajr distorsjoni jxekkel il-kapaċità taċ-ċittadini li jevalwaw il-proċess politiku. Ir-ritmu mgħaġġel u t-trivjalizzazzjoni fil-mezzi tax-xandir kompetittivi qed ifaqqru d-dibattitu politiku. L-investigazzjoni bir-reqqa u bbilanċjata tal-kwistjonijiet politiċi kumplessi ma sseħħx f'dan il-format. Il-komunikazzjoni politika hija kkaratterizzata minn żmien qasir, slogans qosra, spjegazzjonijiet sempliċi u soluzzjonijiet sempliċi. Dan jagħti lok għall-populiżmu politiku iktar minn għal deliberazzjoni serja.

Spiss il-mezzi tax-xandir kummerċjali tal-massa jkunu differenzjati tul l-ispettru politiku sabiex in-nies ikunu jistgħu jisimgħu l-opinjonijiet prinċipalment li diġà jaqblu magħhom. Wisq kontroversji u opinjonijiet diverġenti mhux dejjem iwasslu għal qligħ għall-mezzi tax-xandir kummerċjali. Il-polarizzazzjoni politika tfeġġ meta nies differenti jaqraw aħbarijiet differenti u jaraw kanali televiżivi differenti. Din il-polarizzazzjoni marret għall-agħar bil-wasla tal-midja soċjali li tippermetti lin-nies jikkomunikaw l-iktar ma' gruppi ta' nies tal-istess fehma, l-hekk imsejħa kmamar tal-eku. Il-polarizzazzjono politika estrema jaf timmina l-fiduċja fl-istituzzjonijiet demokratiċi, twassal għat-tnawwir tad-drittijiet ċivili u l-libertà tal-kelma, u f'xi każijiet saħansitra tranżizzjoni lura lejn l-awtokrazija.

Bosta studjużi tal-midja ddiskutew il-mezzi tax-xandir mhux kummerċjali b'obbligi tas-servizz pubbliku bħala mezz biex jittejjeb il-proċess demokratiku, billi jiġu pprovduti forom ta' kontenuti politiċi li s-suq ħieles ma jipprovdix. Il-Bank Dinji rrakkomanda s-servizz tax-xandir pubbliku sabiex tissaħħaħ id-demokrazija fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Dawn is-servizzi tax-xandir għandhom jagħtu rendikont ta' għemilhom lil korp regolatorju indipendenti li jkun protett b'mod adegwat mill-indħil abbażi ta' interessi politiċi u ekonomiċi. Is-servizzi tax-xandir pubbliku għandhom obbligu li jipprovdu informazzjoni affidabbli lill-votanti. Bosta pajjiżi għandhom stazzjonijiet tar-radju u tat-televiżjoni ffinanzjati pubblikament b'obbligi tas-servizz pubbliku, speċjalment fl-Ewropa u fil-Ġappun, filwaqt li tali midja hija dgħajfa jew ma teżistix f'pajjiżi oħra, inkluż l-Istati Uniti. Diversi studji wrew li iktar ma tkun b'saħħitha d-dominanza tal-mezzi tax-xandir kummerċjali fuq il-mezzi tax-xandir tas-servizz pubbliku, inqas ikun l-ammont ta' informazzjoni rilevanti għall-politiki fil-midja u ikbar tkun l-enfasi fuq il-ġurnaliżmu tal-kompetizzjoni, tal-personalitajiet u tal-vizzji jew l-iżbalji tal-politiċi. Ix-xandara tas-servizz pubbliku huma kkaratterizzati minn iktar informazzjoni rilevanti għall-politiki u minn iktar rispett għan-normi ġurnalistiċi u għall-imparzjalità mill-midja kummerċjali. Madankollu, ix-xejra tad-deregolamentazzjoni żiedet il-pressjoni fuq il-mudell tas-servizz pubbliku minħabba l-kompetizzjoni mal-midja kummerċjali.

Il-wasla tal-internet u tal-midja soċjali bidlet ferm il-kundizzjonijiet għall-komunikazzjoni politika. Il-midja soċjali tat liċ-ċittadini ordinarji aċċess faċli biex ileħħnu l-opinjoni tagħhom u jaqsmu l-informazzjoni mingħajr il-filtri tal-aġenziji l-kbar tal-aħbarijiet. Spiss dan jitqies bħala vantaġġ għad-demokrazija. Il-possibbiltajiet il-ġodda għall-komunikazzjoni bidlu b'mod fundamentali l-mod kif il-movimenti soċjali u l-moviment ta' protesta joperaw u jorganizzaw ruħhom. L-internet u l-midja soċjali pprovdew għodod ġodda għall-movimenti tad-demokrazija fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u fid-demokraziji emerġenti, u ppermettulhom jevitaw iċ-ċensura, ileħħnu l-opinjonijiet tagħhom, u jorganizzaw il-protesti.

Problema serja relatata mal-midja soċjali hi li ma hemm l-ebda filtru rigward il-verità. L-aġenziji stabbilit tal-aħbarijiet iridu jħarsu r-reputazzjoni tagħhom bħala affidabbli, filwaqt li ċ-ċittadini ordinarji jistgħu jtellgħu informazzjoni mhux affidabbli. Fil-fatt, l-istudji juru li l-aħbarijiet foloz jaqbdu ferm iktar mill-aħbarijiet li jkunu reali. Il-proliferazzjoni tal-aħbarijiet foloz u tat-teoriji tal-konfoffa jistgħu jimminaw il-fiduċja tal-pubbliku fis-sistema politika u fl-uffiċjali pubbliċi.

Is-sorsi affidabbli tal-informazzjoni huma essenzjali għall-proċess demokratiku. Il-gvernijiet inqas demokratiċi jserrħu ferm fuq iċ-ċensura, il-propaganda u l-miżinformazzjoni sabiex jibqgħu fil-poter, filwaqt li s-sorsi indipendenti tal-informazzjoni kapaċi jimminaw il-leġittimità tagħhom.

  1. Schwartzberg, Melissa (2014). "Democracy". The Encyclopedia of Political Thought. pp. 851–862. doi:10.1002/9781118474396.wbept0248. ISBN 978-1-4051-9129-6.
  2. "Democracy | Definition, History, Meaning, Types, Examples, & Facts | Britannica" (bl-Ingliż). Miġbur 2026-05-29.
  3. Przeworski, Adam (2024). "Who Decides What Is Democratic?". Journal of Democracy. 35 (3): 5–16. doi:10.1353/jod.2024.a930423. ISSN 1086-3214.
  4. Dahl, Robert A.; Shapiro, Ian; Cheibub, Jose Antonio (2003). The Democracy Sourcebook. MIT Press. p. 31. ISBN 978-0-262-54147-3.
  5. Møller, Jørgen; Skaaning, Svend-Erik (January 2013). "Regime Types and Democratic Sequencing". Journal of Democracy. 24 (1): 142–155. doi:10.1353/jod.2013.0010. ISSN 1045-5736.
  6. Watkins, Frederick (1970). "Democracy". Encyclopædia Britannica. Vol. 7 (Expo '70 hardcover ed.). William Benton. pp. 215–23. ISBN 978-0-85229-135-1.
  7. Wike, Richard; Fetterolf, Janell; Schulman, Jonathan (2025-06-30). "Dissatisfaction with democracy remains widespread in many nations" (bl-Ingliż). Miġbur 2026-05-29.