Aqbeż għall-kontentut

Carl Linnaeus

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Carl Linnaeus
Ħajja
Isem propju Carl Nilsson Linnaeus
Twelid Råshult, 23 Mejju 1707
Nazzjonalità Żvezja
L-ewwel lingwa Żvediż
Mewt Linnaeus Hammarby (en) Translateu Uppsala, 10 Jannar 1778
Post tad-dfin Katidral ta' Uppsala
Familja
Missier Nils Ingemarsson Linnaeus
Omm Christina Brodersonia
Konjuga/i Sara Elisabeth Moræa (en) Translate
Ulied
Aħwa
Tribù Linné family (en) Translate
Edukazzjoni
Alma mater Lunds universitet (mul) Translate
(1727 - : mediċina
Università ta’ Uppsala
(1728 - : mediċina
Università ta' Harderwijk
(1735 - 1735) Dottorat tal-Mediċina : mediċina
Livell tal-edukazzjoni Dottorat tal-Mediċina
Direttur tat-teżi Olof Rudbeck the Younger (en) Translate
Johannes Gorter (en) Translate
Studenti dottorali Fredrik Hasselquist (en) Translate
Carl Peter Thunberg (mul) Translate
Anders Sparrman (mul) Translate
Peter Forsskål (en) Translate
Anton Rolandsson Martin (en) Translate
Alexander von Karamyschew (en) Translate
Matvey Afonin (en) Translate
Lingwi Latin
Żvediż
Għalliema Lars Roberg (en) Translate
Olof Celsius (mul) Translate
Carl Gustaf Tessin (mul) Translate
Studenti
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni botaniku
tabib
awtobijografu
biologu
mikologu
pteridologu
brijologu
żoologu
entomologu
ornitologu
naturalista
araknologu
mineraloġist
tassonomista
kollezzjonist xjentifiku
għalliem fl-università
Post tax-xogħol Uppsala
Stokkolma
Impjegaturi Università ta’ Uppsala
Xogħlijiet importanti Systema Naturae (en) Translate
Species Plantarum (en) Translate
Genera Plantarum (en) Translate
Fundamenta Botanica (en) Translate
Critica Botanica (en) Translate
Bibliotheca Botanica (en) Translate
Amoenitates Academicae (en) Translate
Hortus Cliffortianus (en) Translate
Musa Cliffortiana (en) Translate
Methodus (en) Translate
Praeludia Sponsaliorum Plantarum (en) Translate
Premjijiet
Sħubija Akkademja tax-Xjenzi Prussjana
Akkademja Ġermaniża tax-Xjenzi Leopoldina
Soċjetà Rjali
Akkademja Rjali Żvediża tax-Xjenzi
Akkademja tax-Xjenzi ta' San Pietruburgu
Akkademja Rjali Daniża tax-Xjenzi
Soċjetà Norveġiża Rjali tax-Xjenzi u l-Lingwi
Akkademja Franċiża tax-Xjenzi
American Philosophical Society

Carl Linnaeus (twieled fit-23 ta' Mejju 1707 – miet fl-10 ta' Jannar 1778), magħruf ukoll wara li ngħata n-nobbiltà fl-1761 bħala Carl von Linné, kien bijologu u tabib Żvediż li fformalizza n-nomenklatura binomjali, is-sistema moderna tat-tismija tal-organiżmi. Huwa magħruf bħala l-"missier tat-tassonomija moderna". Bosta mill-kitbiet tiegħu kienu bil-Latin; bil-Latin ismu huwa Carolus Linnæus u, wara li sar nobbli fl-1761, sar magħruf bħala Carolus a Linné.

Linnaeus kien iben membru tal-kleru u twieled f'Råshult, fil-kampanja ta' Småland, fin-Nofsinhar tal-Iżvezja. Huwa kiseb il-biċċa l-kbira tal-edukazzjoni għolja tiegħu fl-Università ta' Uppsala u beda jagħti lekċers dwar il-botanika hemmhekk fl-1730. Huwa għex barra mill-pajjiż bejn l-1735 u l-1738, fejn studja u ppubblika wkoll l-ewwel edizzjoni tas-Systema Naturae tiegħu fin-Netherlands. Imbagħad reġa' lura l-Iżvezja fejn sar professur tal-mediċina u tal-botanika f'Uppsala. Fis-snin 40 tas-seklu 18, huwa ntbagħat għal diversi vjaġġi fl-Iżvezja biex isib u jikklassifika l-pjanti u l-annimali. Fis-snin 50 u 60 tas-seklu 18, huwa kompla jikkollezzjona u jikklassifikaw l-annimali, il-pjanti u l-minerali, filwaqt li ppubblika diversi volumi. Sa żmien mewtu fl-1778, huwa kien wieħed mill-iżjed xjenzati rinomati fl-Ewropa.

Linnaeus issejjaħ bħala l-Princeps botanicorum (Prinċep tal-Botanisti) u "l-Plinju tat-Tramuntana". Huwa jitqies ukoll bħala wieħed mill-fundaturi tal-ekoloġija moderna.

Fil-botanika, l-abbrevjazzjoni L. tintuża biex tindika lil Linnaeus bħala l-awtorità għal isem ta' speċi. Fiż-żooloġija, ġeneralment tintuża l-abbrevjazzjoni Linnaeus; jintużaw ukoll l-abbrevjazzjonijiet L., Linnæus u Linné. Fil-pubblikazzjonijiet iktar antiki tinstab l-abbrevjazzjoni "Linn". Linnaeus huwa ddeżinjat bħala l-eżemplar tipiku għall-ispeċi umana, Homo sapiens.[1]

Ħajja bikrija

[immodifika | immodifika s-sors]

Linnaeus twieled fil-villaġġ ta' Råshult fi Småland, l-Iżvezja, fit-23 ta' Mejju 1707. Huwa kien l-ewwel wild ta' Nicolaus (Nils) Linnaeus (imwieled bħala Nils Ingemarsson) u ta' Christina Brodersonia. Missieru għallmu l-Latin meta kien għadu tifel żgħir. Missieru kien wieħed min-nisel twil ta' raħħala u ta' patrijiet, u kien botaniku dilettant, ċelebrant Luteran u membru tal-kleru tal-villaġġ żgħir ta' Stenbrohult fi Småland. Ommu kienet bint ir-rettur ta' Stenbrohult, Samuel Brodersonius. Sena wara t-twelid ta' Linnaeus, miet nannuh Samuel Brodersonius, u missieru sar ir-rettur ta' Stenbrohult. Il-familja marret tgħix fir-rettorat minflok fid-dar tal-kurja. Diġà fis-snin bikrin tiegħu, Linnaeus milli jidher kellu għal qalbu l-pjanti, b'mod partikolari l-fjuri. Kull meta kien jirrabja, kien jingħata fjura, u b'hekk kien jikkalma minnufih. Missieru qatta' ħafna ħin fil-ġnien tiegħu u sikwit kien juri l-fjuri lil ibnu Linnaeus u jgħidlu x'jisimhom. F'qasir żmien Linnaeus ingħata r-roqgħa art tiegħu fejn seta' jkabbar il-pjanti.

Missier Linnaeus kien l-ewwel wieħed min-nisel tiegħu li adotta kunjom permanenti. Qablu, missirijietu użaw is-sistema tat-tismija patronika tal-pajjiżi Skandinavi; missieru żamm il-kunjom Ingemarsson wara missieru Ingemar Bengtsson. Meta Nils inkiteb fl-Università ta' Lund, heuwa kellu juża kunjom. Huwa adotta l-isem Latin Linnæus għal siġra ġganteska tax-xkomp, lind bl-Iżvediż, li kienet kibret fil-proprjetà tal-familja. Dan l-isem ġie spellut bid-dittong magħqud æ. Meta Carl twieled, huwa ngħata l-isem ta' Carl Linnæus, bil-kunjom tal-missier. L-iben spella kunjomu wkoll bid-dittong magħqud æ, kemm fid-dokumenti miktubin bl-idejn kif ukoll fil-pubblikazzjonijiet tiegħu. L-isem patronimiku ta' Carl kieku kien ikun Nilsson, bħal ta' Carl Nilsson Linnæus.

Edukazzjoni bikrija

[immodifika | immodifika s-sors]

Missier Linnaeus beda jgħallmu l-Latin bażiku, ir-reliġjon u l-ġeografija ta' età bikrija ħafna. Meta Linnaeus kellu 7 snin, Nils iddeċieda li jqabbad għalliem għalih. Il-ġenituri għażlu lil Johan Telander, iben raħħal lokali. Linnaeus ma kienx għal qalbu miegħu, u fl-awtobijografija tiegħu kiteb li Telander "kien ferm aħjar biex jitfi t-talenti tat-tfal milli biex jiżviluppahom".

Sentejn wara li beda jgħallmu Telander, Linnaeus intbagħat fl-Iskola Grammatikali Inferjuri f'Växjö fl-1717. Linnaeus qajla studja, u spiss kien imur fil-kampanja biex ifittex il-pjanti. Darba fost l-oħrajn, missieru mar iżuru, u wara li sema' valutazzjonijiet kritiċi mingħand l-għalliema tiegħu, iddeċieda li jdaħħlu bħala apprendist ma' taż-żraben onest lokali. Is-surmast tiegħu, Daniel Lannerus, innota l-interess li kellu Linnaeus fil-botanika, u introduċieh lil Johan Rothman, tabib statali ta' Småland u għalliem fil-Katedralskolan f'Växjö. Rothman wessa' l-interess ta' Linnaeus fil-botanika u għenu jiżviluppa interess fil-mediċina. Sal-età ta' 17-il sena, Linnaeus kien sar midħla sew tal-letteratura botanika eżistenti. Huwa jirrimarka fil-ġurnal tiegħu li kien "jaqra lejl u nhar, u kien jaf sew il-kontenut tal-Ktieb tal-Ħxejjex Aromatiċi ta' Rydaholm ta' Arvidh Månsson, il-Flora Åboensis ta' Tillandz, is-Serta Florea Suecana ta' Palmberg, il-Chloros Gothica ta' Bromelii u l-Hortus Upsaliensis ta' Rudbeckii".

Linnaeus beda jattendi l-Katedralskola ta' Växjö fl-1724, fejn studja l-iktar il-Grieg, l-Ebrajk, it-teoloġija u l-matematika, kurrikulu maħsub għas-subien li kienu jitħejjew biex isiru patrijiet. Fl-aħħar sena tal-liċeo (gymnasium), missier Linnaeus żar l-iskola biex jistaqsi lill-professuri kif kienu sejrin l-istudji ta' ibnu; ħaġa tal-iskantament għal missieru, il-biċċa l-kbira qalu li ibnu qatt ma kien se jsir studjuż. Rothman kellu fehma oħra, u ssuġġerixxa li Linnaeus seta' jkollu futur fil-mediċina. It-tabib offra li jilqa' lil Linnaeus biex jgħix mal-familja tiegħu f'Växjö sabiex ikun jista' jgħallmu l-fiżjoloġija u l-botanika, u Nils aċċetta din l-offerta.

Studji universitarji

[immodifika | immodifika s-sors]

Rothman wera lil Linnaeus li l-botanika kienet suġġett serju. Huwa għallmu jikklassifika l-pjanti skont is-sistema ta' Tournefort. Linnaeus ġie mgħallem ukoll dwar ir-riproduzzjoni sesswali tal-pjanti, skont Sébastien Vaillant. Fl-1727, Linnaeus, ta' 21 sena, inkiteb fl-Università ta' Lund fi Scania (Skåne). Huwa ġie rreġistrat bħala Carolus Linnæus, il-forma Latina tal-isem sħiħ tiegħu, li huwa uża wkoll iktar 'il quddiem għall-pubblikazzjonijiet tiegħu bil-Latin.

Il-Professur Kilian Stobæus, xjenzat naturali, tabib u storiku, offra t-tagħlim u l-akkomodazzjoni lil Linnaeus, kif ukoll l-użu tal-librerija tiegħu, li kienet tinkludi bosta kotba dwar il-botanika. Huwa ppermetta wkoll id-dħul bla ħlas għal-lekċers tiegħu. Fil-ħin liberu tiegħu, Linnaeus esplora l-flora ta' Skåne, flimkien ma' studenti oħra li kellhom l-istess interessi tiegħu.

F'Awwissu 1728, Linnaeus iddeċieda li jattendi l-Università ta' Uppsala fuq il-parir ta' Rothman, li kien jemmen li kienet l-aħjar għażla jekk Linnaeus ried jistudja kemm il-mediċina kif ukoll il-botanika. Rothman ibbaża din ir-rakkomandazzjoni fuq iż-żewġ professuri li kienu jgħallmu fil-fakultà tal-mediċina f'Uppsala: Olof Rudbeck iż-Żgħir u Lars Roberg. Għalkemm Rudbeck u Roberg bla dubju kienu professuri tajbin, sa dak iż-żmien kienu ferm iktar anzjani u ma tantx kellhom interess fit-tagħlim. Rudbeck ma baqax jagħti lekċers pubbliċi, u bdew jagħtuhom minfloku oħrajn. Il-lekċers tal-botanika, taż-żooloġija, tal-farmakoloġija u tal-anatomija ma kinux mill-aqwa. F'Uppsala, Linnaeus iltaqa' ma' benefattur ġdid, Olof Celsius, li kien professur tat-teoloġija u botaniku dilettant. Huwa laqa' lil Linnaeus f'daru u ħallih juża l-librerija tiegħu, li kienet waħda mill-iżjed libreriji botaniċi rikki fl-Iżvezja.

Fl-1729, Linnaeus kiteb teżi, Praeludia Sponsaliorum Plantarum, dwar ir-riproduzzjoni sesswali tal-pjanti. Din ġibdet l-attenzjoni ta' Rudbeck; f'Mejju 1730, huwa għażel lil Linnaeus biex jagħti lekċers fl-università minkejja li kien għadu student tat-tieni sena. Il-lekċers tiegħu kienu popolari, u Linnaeus spiss indirizza udjenza ta' 300 ruħ. F'Ġunju, Linnaeus ma baqax jgħix fid-dar ta' Celsius u minflok mar jgħix fid-dar ta' Rudbeck biex isir l-għalliem tal-iżgħar tlett itfal fost l-24 ulied tiegħu. Il-ħbiberija tiegħu ma' Celsius ma ntilfitx u huma baqgħu jagħmlu l-ispedizzjonijiet botaniċi flimkien. Matul dik ix-xitwa, Linnaeus beda jiddubita s-sistema tal-klassifikazzjoni ta' Tournefort u ddeċieda li joħloq is-sistema tiegħu stess. Il-pjan tiegħu kien li jaqsam il-pjanti skont l-għadd ta' stamen jew stami u pistilli. Huwa beda jikteb diversi kotba, li iktar 'il quddiem irriżultaw pereżempju f'Genera Plantarum u f'Critica Botanica. Huwa pproduċa wkoll ktieb dwar il-pjanti mkabbra fil-Ġnien Botaniku ta' Uppsala, Adonis Uplandicus.

L-eks assistent ta' Rudbeck, Nils Rosén, reġa' lura l-università f'Marzu 1731 b'lawrja fil-mediċina. Rosén beda jagħti lekċers dwar l-anatomija u pprova jieħu post il-lekċers dwar il-botanika ta' Linnaeus, iżda Rudbeck ma ħallihx. Sa Diċembru, Rosén għallem lil Linnaeus b'mod privat dwar il-mediċina. F'Diċembru, Linnaeus kellu xi jgħid mal-mara ta' Rudbeck u kellu jitlaq mid-dar tal-mentor tiegħu; ir-relazzjoni tiegħu ma' Rudbeck però ma marritx għall-agħar. Dak il-Milied, Linnaeus reġa' lura d-dar f'Stenbrohult biex iżur lill-ġenituri tiegħu għall-ewwel darba wara xi 3 snin. Ommu ma qablitx miegħu li ma sarx patri, iżda kienet kuntenta meta saret taf li kien qed jgħallem fl-università.

Spedizzjoni lejn il-Lapland

[immodifika | immodifika s-sors]

Matul żjara mal-ġenituri tiegħu, Linnaeus qalilhom dwar il-pjan tiegħu li jivvjaġġa lejn il-Lapland; Rudbeck kien għamel vjaġġ simili fl-1695, iżda r-riżultati dettaljati tal-esplorazzjoni tiegħu ntilfu minħabba nar 7 sena wara. It-tama ta' Linnaeus kienet li jsib pjanti u annimali ġodda, u possibbilment minerali siewja. Huwa kien kurjuż ukoll dwar id-drawwiet tal-poplu Sami nattiv, nomadi li jirgħu r-renni u jimirħu fit-tundri vasti tal-Iskandinavja. F'April 1732, Linnaeus ingħata għotja finanzjarja mis-Soċjetà Rjali tax-Xjenzi f'Uppsala għall-vjaġġ tiegħu.

Linnaeus beda l-ispedizzjoni tiegħu minn Uppsala fit-12 ta' Mejju 1732, eżatt qabel ma għalaq 25 sena. Huwa vvjaġġa bil-mixi u biż-żiemel, u miegħu ġab il-ġurnal tiegħu, manuskritti botaniċi u ornitoloġiċi u folji tal-karta għall-ippressar tal-pjanti. Qrib Gävle huwa sab kwantitajiet kbar ta' Campanula serpyllifolia, li iktar 'il quddiem saret magħrufa bħala l-Linnaea borealis, il-fjura li mbagħad saret il-favorita tiegħu. Xi kultant fi triqtu huwa kien jinżel minn fuq iż-żiemel biex jeżamina xi fjuri jew xi blata u kien interessat b'mod partikolari fil-muski u fil-likeni, u dawn tal-aħħar kienu parti prinċipali tad-dieta tar-renni, annimal komuni u importanti ekonomikament fil-Lapland.

Linnaeus ivvjaġġa madwar il-kosta tal-Golf ta' Bothnia, u għamel inkursjonijiet kbar 'il ġewwa minn Umeå, Luleå u Tornio. Huwa rritorna mill-ispedizzjoni tiegħu ta' 6 xhur u ta' iktar minn 2,000 kilometru (1,200 mil) f'Ottubru, wara li ġabar u osserva bosta pjanti, għasafar u blat. Għalkemm il-Lapland kien reġjun b'bijodiversità limitata, Linnaeus iddeskriva madwar 100 pjanta li qabel ma kinux identifikati. Dan sar il-bażi għall-ktieb tiegħu Flora Lapponica. Madankollu, wara l-ispedizzjoni lejn il-Lapland, Linnaeus uża l-ismijiet bil-Latin biex jiddeskrivi l-organiżmi minħabba li kien għadu ma żviluppax is-sistema binomjali.

Fil-Flora Lapponica l-ideat ta' Linnaeus dwar in-nomenklatura u l-klassifikazzjoni ntużaw għall-ewwel darba b'mod prattiku, u b'hekk din kienet l-ewwel Flora protomoderna. Ir-rendikont kopra 534 speċi, uża s-sistema tal-klassifikazzjoni ta' Linnaeus u inkluda għall-ispeċijiet deskritti, id-distribuzzjoni ġeografika u n-noti tassonomiċi. Kien Augustin Pyramus de Candolle li attribwixxa lil Linnaeus bil-Flora Lapponica bħala l-ewwel eżempju fil-ġeneru botaniku tal-kitba dwar il-Flora. L-istoriku botaniku E. L. Greene ddeskriva l-Flora Lapponica bħala "l-iżjed klassiku u pjaċevoli" tax-xogħlijiet ta' Linnaeus.

Matul din l-ispedizzjoni, Linnaeus kellu ħjiel ta' ispirazzjoni rigward il-klassifikazzjoni tal-mammiferi. Malli osserva l-għadma t'isfel tax-xedaq ta' żiemel f'ġenb it-triq li kien qed jivvjaġġa fiha, Linnaeus irrimarka: "Li kieku biss kont naf kemm kellu snien u ta' liema tip kull annimal, kemm bżieżel u fejn kienu jinsabu, kieku forsi kont inkun kapaċi nasal għal sistema perfettament naturali għall-arranġament tal-kwadrupedi kollha".

Fl-1734, Linnaeus mexxa grupp żgħir ta' studenti lejn Dalarna. Iffinanzjata mill-Gvernatur ta' Dalarna, l-ispedizzjoni kellha tikkataloga r-riżorsi naturali magħrufa u tiskopri oħrajn ġodda, iżda anke tiġbor għarfien dwar l-attivitajiet tal-estrazzjoni Norveġiżi f'Røros.

Snin fir-Repubblika Olandiża (1735–1738)

[immodifika | immodifika s-sors]

Ir-relazzjonijiet tiegħu ma' Nils Rosén marru għall-agħar, u Linnaeus aċċetta stedina mingħand Claes Sohlberg, iben spettur tal-estrazzjoni, biex iqatta' l-btajjel tal-Milied f'Falun, fejn Linnaeus ingħata l-permess iżur il-minjieri.

F'April 1735, skont is-suġġeriment ta' missier Sohlberg, Linnaeus u Sohlberg marru lejn ir-Repubblika Olandiża, fejn Linnaeus kien beħsiebu jistudha l-mediċina fl-Università ta' Harderwijk filwaqt li jgħallem lil Sohlberg għal salarju annwali. Dak iż-żmien, kien komuni li l-Iżvediżi jagħmlu dottorati fin-Netherlands, li kien post ta' studju rinomat għall-istudju tal-istorja naturali.

Fi triqithom waqfu f'Amburgu, fejn iltaqgħu mas-sindku, li kien kburi li jurihom suppost għaġeb tan-natura li kellu fil-pussess tiegħu: il-fdalijiet ibbalzmati ta' idra b'sebat irjus. Linnaeus malajr skopra li l-eżemplar kien falz, magħqud flimkien mill-ixdqa u mill-għadam tas-saqajn tal-ballottri u mill-ġlud tas-sriep. Il-provenenza tal-idra ssuġġeriet lil Linnaeus li kienet ġiet prodotta mill-patrijiet biex jirrappreżentaw il-Bestja tar-Rivelazzjoni. Anke bis-sogru li s-sindku jinkorla miegħu, Linnaeus għamel l-osservazzjonijiet tiegħu pubbliċi, u kisser il-ħolm tas-sindku li jbigħ l-idra għal somma enormi. Linnaeus u Sohlberg imbagħad kellhom jaħarbu minn Amburgu.

Linnaeus beda jaħdem fuq id-dottorat tiegħu malli wasal f'Harderwijk, università magħrufa għall-għoti tal-lawrji f'saħansitra ġimgħa kollox. Huwa ressaq teżi, li kien kiteb fl-Iżvezja, bit-titlu Dissertatio medica inauguralis in qua exhibetur hypothesis nova de febrium intermittentium causa, fejn stabbilixxa l-ipoteżi tiegħu li l-malarja tfaċċat biss f'żoni b'ħamrija rikka bit-tafal. Għalkemm ma rnexxilux jidentifika s-sors reali tat-trażmissjoni tal-mard (jiġifieri n-nemus Anopheles), huwa rnexxielu jipprevedi li s-susa Artemisia annua kienet se ssir sors tal-mediċini kontra l-malarja. Fi żmien ġimagħtejn huwa temm l-eżamijiet orali u prattiċi tiegħu u ngħata d-dottorat tiegħu.

Dak is-sajf Linnaeus reġa' ngħaqad ma' Peter Artedi, ħabib tiegħu minn Uppsala li kellu patt miegħu li jekk wieħed minnhom imut qabel, l-ieħor kien ilesti x-xogħol tad-deċedut. Għaxar ġimgħat wara, Artedi għereq fil-kanali ta' Amsterdam, u ħalla warajh manuskritt mhux komplut dwar il-klassifikazzjoni tal-ħut.

Pubblikazzjoni tas-Systema Naturae

[immodifika | immodifika s-sors]

Wieħed mill-ewwel xjenzati li ltaqa' miegħu Linnaeus fin-Netherlands kien Johan Frederik Gronovius, u wrieh wieħed mid-diversi manuskritti li kien ġab miegħu mill-Iżvezja. Il-manuskritt kien jiddeskrivi sistema ġdida għall-klassifikazzjoni tal-pjanti. Meta rah Gronovius baqa' impressjonat ferm u offra li jħallas għall-istampar tiegħu. Permezz ta' kontribuzzjoni monetarja addizzjonali mingħand it-tabib Skoċċiż Isaac Lawson, il-manuskritt ġie ppubblikat bħala s-Systema Naturae (1735).

Linnaeus sar magħruf bħala wieħed mill-iżjed tobba u botaniċi rrispettati fin-Netherlands. Herman Boerhaave pprova jikkonvinċi lil Linnaeus jagħmel karriera hemmhekk. Boerhaave offrielu jagħmel vjaġġ lejn l-Afrika t'Isfel u l-Amerka, iżda Linnaeus ma aċċettax, għax sostna li ma kienx jissapporti s-sħana. Minflok, Boerhaave kkonvinċa lil Linnaeus li għandu jżur lill-botaniku Johannes Burman. Wara ż-żjara tiegħu, Burman, li baqa' impressjonat bl-għarfien tal-mistieden tiegħu, iddeċieda li Linnaeus għandu jibqa' miegħu matul ix-xitwa. Matul is-soġġorn tiegħu, Linnaeus għen lil Burman bit-teżawru Thesaurus Zeylanicus. Burman għen ukoll lil Linnaeus bil-kotba li kien qed jaħdem fuqhom: Fundamenta Botanica u Bibliotheca Botanica.

George Clifford, Philip Miller u Johann Jacob Dillenius

[immodifika | immodifika s-sors]

F'Awwissu 1735, matul is-soġġorn ta' Linnaeus ma' Burman, huwa ltaqa' ma' George Clifford III, direttur tal-Kumpanija Olandiża tal-Lvant tal-Indja u s-sid ta' ġnien botaniku rikk fil-proprjetà ta' Hartekamp f'Heemstede. Clifford baqa' impressjonat ferm bil-kapaċità ta' Linnaeus fil-klassifikazzjoni tal-pjanti, u stiednu jsir it-tabib u s-sovraintendent tal-ġnien tiegħu. Linnaeus kien diġà qabel biex jibqa' ma' Burman tul ix-xitwa, u b'hekk ma setax jaċċetta minnufih. Madankollu, Clifford offra li jikkumpensa lil Burman billi joffrilu kopja tal-ktieb rari Storja Naturali tal-Ġamajka ta' Sir Hans Sloane, jekk iħalli lil Linnaeus joqgħod għandu, u Burman aċċetta. Fl-24 ta' Settembru 1735, Linnaeus mar f'Hartekamp biex isir it-tabib personali ta' Clifford u l-kuratur tal-erbarju ta' Clifford. Huwa tħallas 1,000 fjorin fis-sena, bl-ikel u bl-akkomodazzjoni mħallsa. Għalkemm il-ftehim kien biss għal xitwa waħda ta' dik is-sena, Linnaeus prattikament baqa' hemmhekk sal-1738. Hemmhekk huwa kiteb il-ktieb Hortus Cliffortianus, u fid-daħla tiegħu ddeskriva l-esperjenza tiegħu bħala "l-isbaħ żmien ta' ħajtu". Parti minn Hartekamp ġiet iddikjarata bħala ġnien pubbliku f'April 1956 mill-awtorità lokali ta' Heemstede, u ngħatat l-isem ta' "Linnaeushof". Eventwalment skontu dan sar l-ikbar post miftuħ għal-logħob fl-Ewropa.

F'Lulju 1736, Linnaeus ivvjaġġa lejn l-Ingilterra, għas-spejjeż ta' Clifford. Huwa mar Londra biex iżur lil Sir Hans Sloane, kollezzjonist tal-istorja naturali, u biex jara l-armadju tal-affarijiet kurjużi tiegħu, kif ukoll biex iżur il-Ġnien Fiżiku ta' Chelsea u lil min kien jieħu ħsiebu, Philip Miller. Huwa għallem lil Miller dwar is-sistema l-ġdida tiegħu tas-suddiviżjoni tal-pjanti, kif deskritt fis-Systema Naturae. Għall-ewwel, Miller ma kienx ħerqan li juża n-nomenklatura binomjali l-ġdida, u minflok ipprefera l-klassifikazzjonijiet ta' Joseph Pitton de Tournefort u ta' John Ray. Minkejja dan, Linnaeus faħħar id-Dizzjunarju tal-Ġardinara ta' Miller. Miller kien konservattiv u fid-dizzjunarju tiegħu żamm xi termini binomjali ta' qabel Linnaeus li Linnaeus kien skarta iżda li kienu nżammu mill-botaniċi moderni. Huwa qaleb għalkollox għas-sistema ta' Linnaeus fl-edizzjoni tad-Dizzjunarju tal-Ġardinara tal-1768. Miller fl-aħħar mill-aħħar baqa' impressjonat, u minn dak iż-żmien 'il quddiem beda jirranġa l-ġnien skont is-sistema ta' Linnaeus.

Linnaeus ivvjaġġa wkoll lejn l-Università ta' Oxford biex iżur il-botaniku Johann Jacob Dillenius. Ma rnexxielux jikkonvinċi lil Dillenius jaċċetta s-sistema l-ġdida tal-klassifikazzjoni tiegħu pubblikament, għalkemm it-tnejn li huma baqgħu f'korrispondenza ma' xulxin għal bosta snin wara. Linnaeus iddedika l-Critica Botanica tiegħu lilu, peress li "opus botanicum quo absolutius mundus non-vidit". Iktar 'il quddiem Linnaeus semma ġeneru ta' siġra tropikali Dillenia biex jagħtih ġieħ. Huwa mbagħad reġa' lura Hartekamp, u miegħu ġab bosta eżemplari ta' pjanti rari. Is-sena ta' wara, l-1737, huwa ppubblika l-Genera Plantarum, fejn iddeskriva 935 ġeneru ta' pjanti, u ftit wara ssupplimentah bil-Corollarium Generum Plantarum, b'60 ġeneru addizzjonali.

Ix-xogħol tiegħu f'Hartekamp wassal għal ktieb ieħor, il-Hortus Cliffortianus, katalogu tal-eżemplari botaniċi fl-erbarju u fil-ġnien botaniku ta' Hartekamp. Huwa kitbu f'9 xhur (tlesta f'Lulju 1737), iżda ma ppubblikahx qabel l-1738. Fih l-ewwel użu tal-isem Nepenthes, li Linnaeus uża biex jiddeskrivi ġeneru ta' buqari (pjanti karnivori).

Linnaeus baqa' ma' Clifford f'Hartekamp sat-18 ta' Ottubru 1737 (stil ġdid), meta mbagħad telaq biex imur lura l-Iżvezja. Il-mard u l-ġentilezza tal-ħbieb Olandiżi tiegħu obbligawh joqgħod għal iktar xhur fl-Olanda. F'Mejju 1738, huwa telaq lejn l-Iżvezja. Fi triqtu lejn id-dar, huwa ssoġġorna f'Pariġi għal xi xahar, u żar il-botaniċi bħal Antoine de Jussieu. Wara r-ritorn tiegħu, Linnaeus qatt ma reġa' telaq mill-Iżvezja.

Lura l-Iżvezja

[immodifika | immodifika s-sors]

Meta Linnaeus reġa' lura l-Iżvezja fit-28 ta' Ġunju 1738, huwa mar lejn Falun, fejn tgħarras ma' Sara Elisabeth Moræa. 3 xhur wara, huwa mar jgħix fi Stokkolma biex jaħdem bħala tabib, u b'hekk seta' jsostni familja. Għal darb'oħra, Linnaeus sab patrun; huwa sar midħla tal-Konti Carl Gustav Tessin, li għenu jikseb xogħol bħala tabib fl-Ammiralat. F'dak iż-żmien li qatta' fi Stokkolma, Linnaeus għen biex tiġi stabbilita l-Akkademja Żvediża Rjali tax-Xjenza; huwa sar l-ewwel Praeses tal-akkademja bix-xorti.

Minħabba li l-finanzi tiegħu tjiebu u issa kienu biżżejjed biex isostnu familja, huwa ngħata l-permess li jiżżewweġ lill-għarusa tiegħu, Sara Elisabeth Moræa. Iż-żwieġ tagħhom kien fis-26 ta' Ġunju 1739. 17-il xahar wara, Sara welldet lill-ewwel iben tagħhom, Carl. Sentejn wara, twieldet binthom, Elisabeth Christina, u s-sena ta' wara twieldet Sara Magdalena, li mietet 15-il jum wara. Sara u Linnaeus iktar 'il quddiem kellhom erbat it-tfal oħra: Lovisa, Sara Christina, Johannes u Sophia.

F'Mejju 1741, Linnaeus inħatar Professur tal-Mediċina fl-Università ta' Uppsala, l-ewwel bir-responsabbiltà għall-affarijiet relatati mal-mediċina. F'qasir żmien, huwa biddel postu mal-professur l-ieħor tal-mediċina, Nils Rosén, u b'hekk sar responsabbli għall-Ġnien Botaniku (li għamel rikostruzzjoni u espansjoni rigorużi tiegħu), għall-botanika u għall-istorja naturali. F'Ottubru ta' dik l-istess sena, martu u ibnu ta' 9 xhur segwewh biex jgħixu f'Uppsala.

Öland u Gotland

[immodifika | immodifika s-sors]

Għaxarti ijiem wara li nħatar bħala professur, huwa wettaq spedizzjoni lejn il-provinċji gżejjer ta' Öland u Gotland flimkien ma' sitt studenti mill-università biex ifittxu pjanti utli fil-mediċina. Huma baqgħu f'Öland sal-21 ta' Ġunju, imbagħad baħħru lejn Visby f'Gotland. Linnaeus u l-istudenti baqgħu f'Gotland għal kważi xahar, u mbagħad reġgħu lura Uppsala. Matul din l-ispedizzjoni, huma sabu 100 pjanta li qatt ma kienu ġew irreġistrati qabel. L-osservazzjonijiet mill-ispedizzjoni iktar 'il quddiem ġew ippubblikati fl-Öländska och Gothländska Resa, miktub bl-Iżvediż. Bħall-Flora Lapponica, kien fih osservazzjonijiet żooloġiċi u botaniċi, kif ukoll osservazzjonijiet dwar il-kultura f'Öland u f'Gotland.

Matul is-sajf tal-1745, Linnaeus ippubblika żewġ kotba oħra: Flora Suecica u Fauna Suecica. Flora Suecica kien ktieb botaniku rigoruż, filwaqt li Fauna Suecica kien ktieb żooloġiku. Anders Celsius kien ħoloq l-iskala tat-temperatura f'ismu fl-1742. L-iskala ta' Celsius oriġinarjament kienet invertita meta mqabbla mal-mod kif tintuża llum il-ġurnata, bit-tgħollija tal-ilma b'0 °C u l-iffriżar b'100 °C. Linnaeus biddel ta' taħt fuq l-iskala għall-użu attwali tagħha fl-1745.

Västergötland

[immodifika | immodifika s-sors]

Fis-sajf tal-1746, Linnaeus reġa' ġie kkummissjonat mill-gvern biex iwettaq spedizzjoni, din id-darba lejn il-provinċja Żvediża ta' Västergötland. Huwa telaq minn Uppsala fit-12 ta' Ġunju u rritorna fil-11 ta' Awwissu. Matul l-ispedizzjoni l-assistent primarju tiegħu kien Erik Gustaf Lidbeck, student li kien akkumpanjah fil-vjaġġ preċedenti tiegħu. Linnaeus iddeskriva s-sejbiet tiegħu mill-ispedizzjoni fil-ktieb Wästgöta-Resa, li ġie ppubblikat is-sena ta' wara. Wara li reġa' lura mill-vjaġġ, il-gvern iddeċieda li Linnaeus kellu jwettaq spedizzjoni oħra lejn l-iżjed provinċja fin-Nofsinhar tal-pajjiż, Scania. Dan il-vjaġġ ġie pospost, peress li Linnaeus kellu wisq xogħol x'jagħmel.

Fl-1747, Linnaeus ingħata t-titlu ta' archiater jew tabib ewlieni mir-re Żvediż Adolf Frederick — turija ta' rispett kbir. Fl-istess sena huwa ġie elett bħala membru tal-Akkademja tax-Xjenzi f'Berlin.

Fir-rebbiegħa tal-1749, Linnaeus seta' jagħmel il-vjaġġ lejn Scania (Skåne), ikkummissjonat mill-ġdid mill-gvern. Huwa ġab miegħu lill-istudent tiegħu Olof Söderberg. Fi triqtu lejn Scania, huwa għamel l-aħħar żjara tiegħu lill-aħwa tiegħu f'Stenbrohult minn mindu miet missieru s-sena ta' qabel. L-ispedizzjoni kienet simili għall-vjaġġi preċedenti f'diversi aspetti, iżda din id-darba huwa ġie ordnat isib ukoll l-aqwa post għat-tkabbir tal-ġewż u tas-sorbu Żvediż; dawn is-siġar intużaw mill-armata għall-produzzjoni tas-snieter. Matul l-ispedizzjoni, Linnaeus u l-istudent tiegħu żaru l-ispa minerali ta' Ramlösa, fejn Linnaeus irrimarka dwar il-kwalità tal-ilma ferruġinuż. Il-vjaġġ kien suċċess, u l-osservazzjonijiet ta' Linnaeus ġew ippubblikati s-sena ta' wara fl-iSkånska Resa ("Vjaġġ lejn Scania"). Il-ktieb fih 561 paġna u huwa djarju b'deskrizzjonijiet dettaljati ta' kulma skopra fi Scania. Huwa jfaħħar lin-nies ta' Scania għall-ospitalità tagħhom, li "fl-ebda art, għalkemm kull fejn mort laqgħuni tajjeb, ma tista' titqabbel ma' Scania".

Rettur tal-Università ta' Uppsala

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1750, Linnaeus sar rettur tal-Università ta' Uppsala, u beda perjodu fejn ix-xjenzi naturali kienu stmati ferm. X'aktarx li l-iżjed kontribut importanti li għamel f'dan iż-żmien f'Uppsala kien it-tagħlim; ħafna mill-istudenti tiegħu vvjaġġaw lejn diversi postijiet fid-dinja biex jiġbru kampjuni botaniċi. Linnaeus sejjaħ l-aqwa fost dawn l-istudenti bħala l-"appostli" tiegħu. Il-lekċers tiegħu normalment kienu popolari ħafna u sikwit kienu jsiru fil-Ġnien Botaniku. Huwa pprova jgħallem lill-istudenti tiegħu biex jaħsbu għalihom infushom u ma jafdaw lil ħadd, lanqas lilu. Iktar popolari mil-lekċers tiegħu kienu l-eskursjonijiet botaniċi li kien jagħmel kull nhar ta' Sibt matul is-sajf, fejn Linnaeus u l-istudenti tiegħu esploraw l-flora u l-fawna madwar Uppsala.

Philosophia Botanica

[immodifika | immodifika s-sors]

Linnaeus ippubblika l-Philosophia Botanica fl-1751. Il-ktieb kien fih stħarriġ komplut tas-sistema tat-tassonomija li kien qed juża fix-xogħlijiet bikrin tiegħu. Kien fih ukoll informazzjoni dwar kif għandu jinżamm ġurnal tal-ivvjaġġar u kif għandu jinżamm ġnien botaniku.

Nutrix Noverca

[immodifika | immodifika s-sors]

Fi żmien Linnaeus kien normali għan-nisa tal-klassi superjuri li jkollhom nisa oħra li jreddgħu minflokhom u jieħdu ħsieb lit-trabi tagħhom. Linnaeus issieħeb f'kampanja biex din il-prattika tintemm fl-Iżvezja u biex jippromwovi t-treddigħ mill-ommijiet. Fl-1752 Linnaeus ippubblika teżi flimkien ma' Frederick Lindberg, tabib student, abbażi tal-esperjenzi tagħhom. Skont it-tradizzjoni ta' dak iż-żmien, din it-teżi essenzjalment kienet idea tal-prases irriċerkata mill-istudent. It-teżi ta' Linnaeus ġiet tradotta bil-Franċiż minn J. E. Gilibert fl-1770 bħala La Nourrice marâtre, ou Dissertation sur les suites funestes du nourrisage mercénaire. Linnaeus issuġġerixxa li t-tfal jaf jassorbu l-personalità tal-persuna li kienet qed tredda' minflok l-omm mill-ħalib tagħha. Huwa ammira l-prattiki tal-indukrar tat-tfal tan-nies tal-Lapland u indika kemm kienu f'saħħithom it-trabi tagħhom meta mqabbla ma' dawk tal-Ewropej b'persuna li jreddgħu u jieħdu ħsieb it-trabi minflok l-ommijiet. Huwa qabbel l-imġiba tal-annimali selvaġġi u indika kif l-ebda wieħed minnhom ma kien iċaħħad lil wild ġdid mill-ħalib tat-treddigħ tagħhom. Huwa maħsub li dan l-attiviżmu tiegħu kellu rwol importanti fl-għażla tat-terminu Mammalia għall-klassi tal-organiżmi.

Species Plantarum

[immodifika | immodifika s-sors]

Linnaeus ippubblika l-iSpecies Plantarum, ix-xogħol li issa huwa aċċettat internazzjonalment bħala l-punt ta' tluq tan-nomenklatura botanika moderna, fl-1753. L-ewwel volum inħareġ fl-24 ta' Mejju, it-tieni volum inħareġ fis-16 ta' Awwissu tal-istess sena. Il-ktieb kien fih 1,200 paġna u ġie ppubblikat f'żewġ volumi; fih ġew deskritti iktar minn 7,300 speċi. Fl-istess sena r-re għamlu kavallier tal-Ordni tal-Istilla Polari, l-ewwel ċittadin fl-Iżvezja li sar kavallier ta' din l-ordni. Wara dan, Linnaeus qajla kien jidher mhux liebes l-arma tal-ordni.

Linnaeus kien tal-fehma li Uppsala kienet storbjuża wisq u mhux post mill-aqwa għas-saħħa, għalhekk xtara żewġ irziezet fl-1758: Hammarby u Sävja. Is-sena ta' wara, huwa xtara razzett ieħor fil-qrib, Edeby. Huwa qatta' s-sjuf mal-familja tiegħu f'Hammarby; inizjalment kellha biss dar żgħira waħda ta' sular, iżda fl-1762 żdiedet binja prinċipali ġdida u akbar. F'Hammarby, Linnaeus għamel ġnien fejn seta' jkabbar il-pjanti li ma setgħux jitkabbru fil-Ġnien Botaniku f'Uppsala. Huwa beda jibni mużew fuq għolja wara Hammarby fl-1766, fejn ittrasferixxa l-librerija u l-kollezzjoni ta' pjanti tiegħu. Nar li kien qered kważi terz ta' Uppsala u li kien hedded ir-residenza tiegħu hemmhekk wassal għat-trasferiment tiegħu.

Mir-rilaxx inizjali tas-Systema Naturae fl-1735, il-ktieb ġie aġġornat u stampat mill-ġdid diversi drabi; l-għaxar edizzjoni ġiet rilaxxata fl-1758. Din l-edizzjoni stabbiliet lilha nnifisha bħala l-punt ta' tluq għan-nomenklatura żooloġika, l-ekwivalenti tal-iSpecies Plantarum.

Ir-re Żvediż Adolf Frederick ta n-nobbiltà lil Linnaeus fl-1757, iżda sar tassew nobbli fl-1761. B'hekk Linnaeus ħa l-isem ta' Carl von Linné (Latinizzat bħala Carolus a Linné); "Linné" hija l-verżjoni mqassra u Galliċizzata ta' "Linnæus", u l-partiċella Ġermaniża "von" tindika n-nobbiltà. L-arma tal-familja nobbli fiha l-fjura favorita ta' Linnaeus; din ingħatat l-isem xjentifiku Linnaea borealis f'ġieħu minn Gronovius. L-arma hija maqsuma fi tliet partijiet: bl-aħmar, bl-iswed u bl-aħdar għat-tliet renji tan-natura (l-annimali, il-minerali u l-ħxejjex) fil-klassifikazzjoni ta' Linnaeus; fin-nofs fiha bajda "li tirrappreżenta n-natura, li hija kontinwata u pperpetwata in ovo". Fin-naħa t'isfel hemm frażi bil-Latin, mislufa mill-Enejde: "Famam extendere factis", jiġifieri "nestendu l-fama tagħna b'għemilna". Linnaeus niżżel dan il-motto personali fil-kotba li ngħatawlu minn ħbiebu.

Wara li sar nobbli, Linnaeus baqa' jgħallem u jikteb. B'kollox, huwa ppresjeda f'186 ċerimonja tad-dottorati, b'bosta mit-teżijiet miktuba minnu nnifsu. Ir-reputazzjoni tiegħu kienet infirxet mad-dinja kollha, u kellu korrispondenzi ma' bosta nies differenti. Pereżempju, Katerina II tar-Russja bagħtitlu żrieragħ minn pajjiżha. Huwa kellu korrispondenzi wkoll ma' Giovanni Antonio Scopoli, "il-Linnaeus tal-Imperu Awstrijakk", li kien tabib u botaniku f'Idrija, id-Dukat ta' Carniola (illum il-ġurnata s-Slovenja). Scopoli ikkomunika dwar ir-riċerka, is-sejbiet u d-deskrizzjonijiet kollha tiegħu (pereżempju dwar il-proteu (salamandra) u l-ġurdien tal-imramma, żewġ annimali żgħar li Linnaeus ma kienx jaf bihom qabel). Linnaeus irrispetta ferm lil Scopoli u wera interess kbir fix-xogħol tiegħu. Huwa semma ġeneru solanaċew, Scopolia, is-sors tal-iskopolamin, għalih, iżda minħabba d-distanza kbira bejniethom, qatt ma ltaqgħu.

Linnaeus ma baqax jokkupa l-kariga tiegħu fl-Akkademja Żvediża Rjali tax-Xjenza wara l-1763, iżda xorta waħda kompla jaħdem hemmhekk għal iktar minn 10 snin wara. Fl-1769 huwa ġie elett fis-Soċjetà Filosofika Amerikana għax-xogħol tiegħu. Ma baqax jokkupa l-kariga ta' rettur fl-Università ta' Uppsala minn Diċembru 1772, l-iktar minħabba li s-saħħa tiegħu marret lura.

L-aħħar snin ta' Linnaeus kienu mħabbtin mill-mard. Huwa kellu l-marda msejħa d-deni ta' Uppsala fl-1764, iżda baqa' ħaj bis-saħħa tal-indukrar ta' Rosén. Fl-1773 beda jbati mix-xatka, u s-sena ta' wara kellu puplesija li pparalizzatu parzjalment. Huwa kellu t-tieni puplesija fl-1776, u tilef l-użu tan-naħa tal-lemin ta' ġismu u parti mill-memorja tiegħu; għalkemm xorta seta' jammira l-kitbiet tiegħu stess, ma baqax jagħraf lilu nnifsu bħala l-awtur ta' dak ix-xogħol.

F'Diċembru 1777 kellu puplesija oħra li tefgħetu lura sew, u eventwalment wasslet għal mewtu fl-10 ta' Jannar 1778 f'Hammarby. Minkejja x-xewqa tiegħu li jindifen f'Hammarby, huwa ndifen fil-Katidral ta' Uppsala fit-22 ta' Jannar.

Il-librerija u l-kollezzjonijiet tiegħu tħallew lill-armla tiegħu Sara u lil uliedhom. Joseph Banks, botaniku eminenti, xtaq jixtri l-kollezzjoni, iżda ibnu Carl irrifjuta l-offerta u minflok ċaqlaq il-kollezzjoni lejn Uppsala. Fl-1783 Carl miet u Sara wirtet il-kollezzjoni, peress li baqgħet ħajja iktar mir-raġel tagħha u minn binha. Hija ppruvat tbigħ il-kollezzjoni lil Banks, iżda ma kienx interessat iktar; minflok xi ħadd li kien jafu qabel li jixtri l-kollezzjoni. Dan kien student tal-mediċina ta' 24 sena, James Edward Smith, li xtara l-kollezzjoni kollha: 14,000 pjanta, 3,198 insett, 1,564 qoxra tal-baħar, madwar 3,000 ittra u 1,600 ktieb. 5 snin wara Smith stabbilixxa s-Soċjetà ta' Linnaeus ta' Londra.

Il-kunjom von Linné ntemm b'ibnu Carl, li qatt ma żżewweġ. Ibnu l-ieħor, Johannes, kien miet ta' 3 snin. B'kollox hemm iktar minn 200 dixxendent ta' Linnaeus miż-żewġt ibniet tiegħu.

Meta Linnaeus kien Professur u Rettur tal-Università ta' Uppsala, huwa għallem lil bosta studenti devoti; 17 minnhom sejħilhom "appostli". Dawn kien fost l-iżjed studenti promettenti u kommessi, u kollha kemm huma għamlu spedizzjonijiet botaniċi f'diversi postijiet fid-dinja, spiss bl-għajnuna tiegħu. L-ammont ta' din l-għajnuna kienet tvarja; xi kultant huwa uża l-influwenza tiegħu bħala Rettur biex jagħti borża ta' studju lill-appostli tiegħu jew post bħala membru ta' spedizzjoni. Lill-biċċa l-kbira tal-appostli tahom struzzjonijiet rigward x'għandhom ifittxu waqt il-vjaġġi tagħhom. Barra mill-pajjiż, l-appostli ġabru u organizzaw pjanti, annimali u minerali ġodda skont is-sistema ta' Linnaeus. Il-biċċa l-kbira minnhom taw ukoll parti mill-kollezzjoni tagħhom lil Linnaeus meta temmew il-vjaġġi tagħhom. Bis-saħħa ta' dawn l-istudenti, is-sistema tassonomika ta' Linnaeus infirxet mad-dinja kollha mingħajr qatt ma kellu għalfejn jivvjaġġa 'l barra mill-Iżvezja wara li rritorna mill-Olanda. Il-botaniku Brittaniku William T. Stearn jinnota li mingħajr is-sistema l-ġdida ta' Linnaeus, l-appostli ma kinux jiġbru u jorganizzaw daqstant eżemplari ġodda.

Spedizzjonijiet bikrin

[immodifika | immodifika s-sors]

Christopher Tärnström, l-ewwel appostlu u pastor ta' 43 sena flimkien ma' martu u uliedu, għamel vjaġġ fl-1746. Huwa tela' abbord bastiment tal-Kumpanija Żvediża tal-Lvant tal-Indja li baħħar lejn iċ-Ċina. Tärnström qatt ma wasal fid-destinazzjoni tiegħu, u miet b'deni tropikali fil-Gżira ta' Côn Sơn fl-istess sena. L-armla ta' Tärnström tat il-ħtija lil Linnaeus li uliedha spiċċaw mingħajr missier, u b'hekk Linnaeus beda jippreferi jibgħat studenti iżgħar u mhux miżżewwġin wara dak li ġralu Tärnström. Sitt appostli oħra iktar 'il quddiem mietu matul l-ispedizzjonijiet tagħhom, fosthom Pehr Forsskål u Pehr Löfling.

Sentejn wara l-ispedizzjoni ta' Tärnström, Pehr Kalm imwieled fil-Finlandja salpa lejn l-Amerka ta' Fuq bħala t-tieni appostlu. Hemmhekk huwa qatta' sentejn u nofs jistudja l-flora u l-fawna ta' Pennsylvania, New York, New Jersey u l-Kanada. Linnaeus kien tassew kuntent meta Kalm reġa' lura, u ġab miegħu bosta fjuri u żrieragħ ippressati. Mill-inqas 90 mis-700 speċi tal-Amerka ta' Fuq deskritti fl-iSpecies Plantarum kien ġabhom lura miegħu Kalm.

Spedizzjonijiet ta' Cook u tal-Ġappun

[immodifika | immodifika s-sors]

Daniel Solander kien qed jgħix fid-dar ta' Linnaeus meta kien student f'Uppsala. Linnaeus kien iħobbu ħafna, u lil Solander wiegħdu li jżewwġu ma' bintu l-kbira. Skont ir-rakkomondazzjoni ta' Linnaeus, Solander ivvjaġġa lejn l-Ingilterra fl-1760, fejn iltaqa' mal-botaniku Ingliż Joseph Banks. Flimkien ma' Banks, Solander ingħaqad ma' James Cook fl-ispedizzjoni tiegħu lejn l-Oċeanja abbord l-Endeavour fl-1768–1771. Solander ma kienx l-uniku appostlu li vvjaġġa ma' James Cook; Anders Sparrman ivvjaġġa miegħu abbord ir-Resolution fl-1772–1775 u salpa, fost postijiet oħra, lejn l-Oċeanja u l-Amerka t'Isfel. Sparrman għamel bosta spedizzjonijiet oħra, waħda minnhom lejn l-Afrika t'Isfel.

X'aktarx li l-iżjed appostlu famuż u ta' suċċess kien Carl Peter Thunberg, li wettaq spedizzjoni ta' 9 snin li bdiet fl-1770. Huwa qagħad fl-Afrika t'Isfel għal 3 snin, u mbagħad ivvjaġġa lejn il-Ġappun. Il-barranin kollha ma tħallewx jidħlu l-Ġappun u kienu ristretti għall-gżira ċkejkna ta' Dejima 'l barra minn Nagasaki, għaldaqstant kienet biċċa xogħol iebsa għal Thunberg li jistudja l-flora. Madankollu, huwa rnexxielu jipperswadi lil uħud mit-tradutturi biex iġibulu pjanti differenti, u huwa sab ukoll pjanti fil-ġonna ta' Dejima. Huwa reġa' lura l-Iżvezja fl-1779, sena wara l-mewt ta' Linnaeus.

Pubblikazzjonijiet ewlenin

[immodifika | immodifika s-sors]

Systema Naturae

[immodifika | immodifika s-sors]

L-ewwel edizzjoni tas-Systema Naturae ġiet stampata fin-Netherlands fl-1735. Kienet opra ta' 12-il paġna. Sal-10 edizzjoni tagħha fl-1758, ikklassifikat 4,400 speċi ta' annimali u 7,700 speċi ta' pjanti. In-nies minn madwar id-dinja kollha bagħtu l-eżemplari tagħhom lil Linnaeus biex jiġu inklużi. Sakemm beda x-xogħol fuq it-12-il edizzjoni, Linnaeus kellu bżonn invenzjoni ġdida — il-karta tal-indiċi — biex jintraċċa l-klassifikazzjonijiet.

Wara li saħħet Linnaeus marret lura fil-bidu tas-snin 70 tas-seklu 18, il-pubblikazzjoni tal-edizzjonijiet tas-Systema Naturae marret f'żewġ direzzjonijiet differenti. Xjenzat Żvediż ieħor, Johan Andreas Murray, ħareġ it-taqsima tar-Regnum Vegetabile separatament fl-1774 bħala s-Systema Vegetabilium, li ġiet imniżżla bħala t-13-il edizzjoni. Sadanittant, it-13-il edizzjoni tas-Systema kollha tfaċċat f'partijiet bejn l-1788 u l-1793 taħt ix-xogħol editorjali ta' Johann Friedrich Gmelin. Kien permezz tas-Systema Vegetabilium li x-xogħol ta' Linnaeus sar magħruf b'mod mifrux fl-Ingilterra, wara li ġiet tradotta mil-Latin mis-Soċjetà Botanika ta' Lichfield bħala Sistema ta' Ħxejjex (1783–1785).

Species Plantarum

[immodifika | immodifika s-sors]

L-iSpecies Plantarum (jew b'mod integrali l-iSpecies Plantarum, exhibentes plantas rite cognitas, ad genera relatas, cum differentiis specificis, nominibus trivialibus, synonymis selectis, locis natalibus, secundum systema sexuale digestas) ġiet ippubblikata għall-ewwel darba fl-1753, bħala xogħol b'żewġ volumi. L-importanza ewlenija tagħha hija x'aktarx li hija l-punt ta' tluq primarju tan-nomenklatura tal-pjanti kif teżisti llum il-ġurnata.

Genera Plantarum

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Genera plantarum: eorumque characteres naturales secundum numerum, figuram, situm, et proportionem omnium fructificationis partium ġiet ippubblikata għall-ewwel darba fl-1737, u elenkat il-ġeneri tal-pjanti. Ġew ippubblikati madwar 10 edizzjonijiet, iżda mhux kollha minn Linnaeus innifsu; l-iżjed edizzjoni importanti kienet il-ħames edizzjoni tal-1754. Fiha Linnaeus qasam ir-Renju tal-pjanti f'24 klassi. Il-Cryptogamia kienet tinkludi l-pjanti kollha b'organi riproduttivi moħbijin (l-algi, il-fungi, il-muski, l-epatika u l-felċi).

Philosophia Botanica

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Philosophia Botanica (1751) kienet sommarju tal-ħsieb ta' Linnaeus dwar il-klassifikazzjoni u n-nomenklatura tal-pjanti, u elaborazzjoni tax-xogħol li kien ippubblika qabel fil-Fundamenta Botanica (1736) u fil-Critica Botanica (1737). Pubblikazzjonijiet oħra li jiffurmaw parti mill-pjan tiegħu li jirriforma l-pedamenti tal-botanika jinkludu l-Classes Plantarum u l-Bibliotheca Botanica: dawn kollha ġew stampati fl-Olanda (l-istess bħall-Genera Plantarum (1737) u s-Systema Naturae (1735)); il-Philosophia ġiet rilaxxata simultanjament fi Stokkolma.

Kollezzjonijiet

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-aħħar ta' ħajtu, il-kollezzjoni ta' Linneaus f'Uppsala kienet meqjusa bħala waħda mill-ifjen kollezzjonijiet ta' oġġetti tal-istorja naturali fl-Iżvezja. Qrib il-kollezzjoni tiegħu stess, huwa kien bena mużew għall-Università ta' Uppsala, li kien fornut b'materjal mogħti b'donazzjoni mingħand Carl Gyllenborg (fl-1744–1745), il-Prinċep Eredi Adolf Fredrik (fl-1745), Erik Petreus (fl-1746), Claes Grill (fl-1746), Magnus Lagerström (fl-1748 u fl-1750) u Jonas Alströmer (fl-1749). Ir-relazzjoni bejn il-mużew u l-kollezzjoni privata ma ġietx formalizzata u l-fluss kostanti ta' materjal mingħand l-istudenti ta' Linneaus ġie inkorporat fil-kollezzjoni privata minflok fil-mużew. Linnaeus kien tal-fehma li x-xogħol tiegħu kien li jirrifletti l-armonija tan-natura, u fl-1754 huwa qal li "d-Dinja mhi xejn għajr mużew tal-kapolavuri kollha tal-ħallieq għaref, maqsum fi tliet kompartimenti". Huwa kien tal-fehma li kien bidel il-proprjetà tiegħu f'mikrokożmu ta' dak il-"mużew dinji".

Fl-1784 l-istudent żagħżugħ tal-mediċina James Edward Smith xtara l-kollezzjoni tal-eżemplari kollha, il-librerija, il-manuskritti u l-korrispondenza ta' Carl Linnaeus mingħand l-armla ta' Linnaeus u bintu u ttrasferixxa l-kollezzjonijiet lejn Londra. Mhux il-materjal kollu fil-kollezzjoni privata ta' Linné ġie ttrasportat lejn l-Ingilterra. 33 eżemplar ta' ħut ippreservati fl-alkoħol ma ntbagħtux u iktar 'il quddiem intilfu.

F'Londra Smith donnu ttraskura l-partijiet żooloġiċi tal-kollezzjoni; huwa żied xi eżemplari u ta xi eżemplari wkoll. Matul is-sekli ta' wara, il-kollezzjoni ta' Linnaeus f'Londra batiet ferm f'idejn ix-xjenzati li studjaw il-kollezzjoni, u fil-proċess fixklu l-arranġament u t-tikketti oriġinali, żiedu xi eżemplari li ma kinux preżenti fis-serje oriġinali u rtiraw materjal prezzjuż oriġinali.

Ħafna mill-materjal studjat minn Linné kien jagħmel parti mill-kollezzjoni tar-Reġina Lovisa Ulrika (1720–1782); il-pubblikazzjonijiet ta' Linneaus lil dan il-materjal isejħulu l-"Mużew ta' Ludovicae Ulricae" jew "M. L. U."). Il-kollezzjoni ngħatat b'donazzjoni min-neputi tagħha r-Re Gustav IV Adolf (1778–1837) lill-mużew f'Uppsala fl-1804. Il-kollezzjoni tar-raġel tagħha r-Re Adolf Fredrik (1710–1771) hija magħrufa fis-sorsi ta' Linnaeus bħala l-"Mużew ta' Adolphi Friderici" jew "Mus. Ad. Fr.". Il-partijiet mhux nexfin (il-kollezzjoni fl-alkoħol) iktar 'il quddiem ingħataw b'donazzjoni lill-Akkademja Żvediża Rjali tax-Xjenzi, u huma ospitati fil-Mużew Żvediż tal-Istorja Naturali fi Stokkolma. Il-materjal niexef ġie ttrasferit lejn Uppsala.

Sistema tat-tassonomija

[immodifika | immodifika s-sors]

Sistema ta' Linnaeus

[immodifika | immodifika s-sors]

L-istabbiliment ta' konvenzjonijiet aċċettati b'mod universali għat-tismija tal-organiżmi kien il-kontribut prinċipali ta' Linnaeus fit-tassonomija — ix-xogħol tiegħu jimmarka l-punt tat-tluq tal-użu konsistenti tan-nomenklatura binomjali. Kontribut siewi ieħor tiegħu kien il-popolarizzazzjoni tal-użu tas-simbolu ta' Marte u ta' Venere (♂ u ♀) b'referenza għas-sess tal-ispeċijiet. Dawn saru s-simboli standard tal-ġeneri. Matul l-espansjoni tas-seklu 18 tal-għarfien tal-istorja naturali, Linnaeus żviluppa wkoll dik li saret magħrufa bħala t-tassonomija ta' Linnaeus; is-sistema tal-klassifikazzjoni xjentifika li tintuża attwalment fix-xjenzi bijoloġiċi. Żoologu preċedenti, Rumphius (1627–1702), kien qorob pjuttost għas-sistema ta' Linnaeus u l-materjal tiegħu kkontribwixxa għall-iżvilupp ulterjuri tal-klassifikazzjoni xjentifika binomjali ta' Linnaeus.

Is-sistema ta' Linnaeus ikklassifikat in-natura fi ħdan ġerarkija mbejta, l-ewwel nett bi tliet renji. Ir-renji huma maqsuma f'klassijiet, imbagħad f'ordnijiet, imbagħad f'ġeneri (singular: ġeneru), li mbagħad huma maqsuma fi speċijiet (singular: speċi). Taħt il-livell ta' speċijiet, xi kultant huwa rrikonoxxa taksa ta' livell inferjuri (bla isem); minn dak iż-żmien 'l hawn dawn ingħataw ismijiet standardizzati bħal varjetà fil-botanika u sottospeċi fiż-żooloġija. It-tassonomija moderna tinkludi livell ta' familja bejn l-ordni u l-ġeneru, u livell ta' phylum bejn ir-renju u l-klassi li ma kinux preżenti fis-sistema oriġinali ta' Linnaeus.

Ir-raggruppamenti ta' Linnaeus kienu bbażati fuq il-karatteristiċi fiżiċi kondiviżi u mhux fuq id-differenzi. Mir-raggruppamenti l-għoljin tiegħu, dawk tal-annimali biss għadhom jintużaw, u r-raggruppamenti stess inbidlu b'mod sinifikanti mill-oriġini tagħhom, l-istess bħall-prinċipji warajhom. Minkejja dan, Linnaeus huwa akkreditat li stabbilixxa l-idea ta' struttura ġerarkika ta' klassifikazzjoni bbażata fuq karatteristiċi osservabbli u maħsuba biex tirrifletti r-relazzjonijiet naturali.

Tassonomija umana

[immodifika | immodifika s-sors]

Is-sitema tat-tassonomija ta' Linnaeus kienet l-ewwel waħda li kienet tinkludi lill-bnedmin (Homo), raggruppati tassonomikament max-xadini primati (Simia), taħt l-intestatura Anthropomorpha. Il-bijologu Ġermaniż Ernst Haeckel f'diskors tiegħu fl-1907 lil dan sostna li kien "l-iżjed sinjal importanti tal-ġenju ta' Linnaeus".

Linnaeus ikklassifika l-bnedmin fost il-primati, l-ewwel nett mill-ewwel edizzjoni tas-Systema Naturae. Matul ħajtu f'Hartekamp, huwa kellu l-opportunità li jeżamina diversi xadini u nnota xebħ bejnhom u l-bnedmin. Huwa indika li bażikament kellhom l-istess anatomija; għajr il-lingwaġġ, huwa ma sab l-ebda differenza oħra. B'hekk huwa qiegħed lill-bnedmin u lix-xadini taħt l-istess kategorija, Anthropomorpha, li tfisser "qishom bnedmin". Din il-klassifikazzjoni ntlaqgħet bi kritika minn bijologi oħra bħal Johan Gottschalk Wallerius, Jacob Theodor Klein u Johann Georg Gmelin fuq il-bażi li ma kienx loġiku li l-bnedmin jiġu deskritti bħala qishom bnedmin. F'ittra lil Gmelin tal-1747, Linnaeus wieġeb:

Ma ħadtx pjaċir [inti] li poġġejt il-Bnedmin fost l-Anthropomorpha, x'aktarx minħabba t-terminu "b'forma ta' bnedmin", iżda l-bniedem jitgħallem biex isir jaf lilu nnifsu. Ejja ma noqogħdux infettqu fuq il-kliem. Kwalunkwe isem nagħżlu li napplikaw, il-ħsieb jibqa' l-istess. Iżda mingħandek u mid-dinja kollha nixtieq differenza ġenerika bejn il-bnedmin u bejn ix-xadini primati skont il-prinċipji tal-Istorja Naturali. Jien ma naf bI-ebda waħda. Mank xi ħadd jaf jgħidli mqar waħda! Li kieku sejjaħt lill-bnedmin xadini primati jew viċi versa, kien ikolli t-teologi kollha magħqudin kontrija. Forsi kelli nagħmel hekk skont il-liġi tad-dixxiplina.

It-tħassib teoloġiku kien doppju: l-ewwel nett, it-tqegħid tal-bnedmin fuq l-istess livell tax-xadini primati kien ibaxxi l-pożizzjoni spiritwalment ogħla li suppost kellhom il-bnedmin fost il-ħlejqiet; u t-tieni, peress li l-Bibbja tgħid li l-bniedem inħoloq bħala x-xbieha ta' Alla (teomorfiżmu), jekk ix-xadini/il-primati ma ġewx iddisinjati b'mod distint u separat, dak ikun ifisser li x-xadini u l-primati nħolqu bħala x-xbieha ta' Alla wkoll. Bosta dan ma setgħux jaċċettawh.

Wara tant kritika, Linnaeus ħass li kellu jispjega lilu nnifsu b'mod iktar ċar. L-għaxar edizzjoni tas-Systema Naturae introduċiet termini ġodda, inkluż Mammalia u Primates, din tal-aħħar minflok l-Anthropomorpha, u l-bnedmin ingħataw l-isem binomjali sħiħ Homo sapiens. Il-klassifikazzjoni l-ġdida ngħatat inqas kritika, iżda bosta storiċi naturali xorta kienu jemmnu li kien deklassifika lill-bnedmin mill-pożizzjoni superjuri li kellhom fin-natura. Linnaeus kien jemmen li l-bnedmin bijoloġikament kienu jagħmlu parti mir-renju tal-annimali u kellhom ikunu inklużi fih. Fil-ktieb tiegħu Dieta Naturalis, huwa qal, "Wieħed ma għandux jiżvoga r-rabja tiegħu fuq l-annimali. Skont it-teoloġija l-bnedmin għandhom ruħ u l-annimali huma sempliċi automata mechanica, iżda jien nemmen li misshom ikunu infurmati aħjar li l-annimali għandhom ruħ u li l-unika differenza hija n-nobbiltà".

Linnaeus żied it-tieni speċi fil-ġeneru Homo fis-Systema Naturae abbażi ta' illustrazzjoni u deskrizzjoni ta' Jacobus Bontius minn pubblikazzjoni tal-1658: Homo troglodytes ("raġel tal-għerien") u ppubblika t-tielet speċi fl-1771: Homo lar. L-istoriku Żvediż Gunnar Broberg jistqarr li l-ispeċi l-ġdida fost il-bnedmin li ddeskriva fil-fatt kienu primati jew nies nattivi mgeżwrin fil-ġlud biex ibeżżgħu l-insedjaturi kolonjali, u li d-dehra tagħhom kienet ġiet esaġerata fir-rakkonti lil Linnaeus. Għall-Homo troglodytes Linnaeus staqsa lill-Kumpanija Żvediża tal-Lvant tal-Indja biex tfittex wieħed, iżda ma nstabux sinjali tal-eżistenza tiegħu. Minn dak iż-żmien 'l hawn l-Homo lar ġie kklassifikat mill-ġdid bħala Hylobates lar, il-gibbon ta' lar.

Fl-ewwel edizzjoni tas-Systema Naturae, Linnaeus għamel suddiviżjoni tal-ispeċi umana f'erba' varjetajiet: "Europæus albesc[ens]" (Ewropej bajdanin), "Americanus rubesc[ens]" (Amerikani ħamranin), "Asiaticus fuscus" (Asjatiċi safranin) u "Africanus nigr[iculus]" (Afrikani suwed). Fl-għaxar edizzjoni tas-Systema Naturae huwa spjega iktar fid-dettall il-karatteristiċi fenotipiċi għal kull varjetà, abbażi tal-kunċett tal-erba' temperamenti mill-antikità klassika, u biddel id-deskrizzjoni tat-tonalità tal-ġilda tal-Asjatiċi għal "luridus" (sofor). Filwaqt li Linnaeus kien jemmen li dawn il-varjetajiet irriżultaw minn differenzi ambjentali bejn l-erba' kontinenti magħrufa, is-Soċjetà ta' Linnaeus tirrikonoxxi li l-enfasi tal-kategorizzazzjoni tiegħu fuq il-lewn tal-ġilda u l-inklużjoni iktar 'il quddiem tat-tratti kulturali u komportamentali nibtu sterjotipi kolonjali u pprovdew il-pedamenti għar-razziżmu xjentifiku. Barra minn hekk, Linnaeus ħoloq takson skartat ta' "monstrosus" għall-"bnedmin selvaġġi u monstrużi, gruppi mhux magħrufa, u persuni pjuttost abnormali".

Linnaeus ittratta lilu nnifsu bħala l-eżemplar tipiku (olotip) tal-H. sapiens. Fl-1959, W. T. Stearn iddeżinja lil Linnaeus bħala l-lektotip tal-H. sapiens, skont il-Kodiċi Internazzjonali tan-Nomenklatura Żooloġika, peress li l-uniku eżemplar li huwa magħruf li eżamina kien hu nnifsu.

Influwenzi u twemmin ekonomiku

[immodifika | immodifika s-sors]

Ix-xjenza applika ta' Linnaeus kienet ispirata mhux biss mill-utilitarjaniżmu strumentali ġenerali tal-Illuminiżmu bikri, iżda anke mill-aderenza tiegħu għad-dixxiplina ekonomika iktar antika tal-Kameraliżmu. Barra minn hekk, Linnaeus kien intervenzjonist statali. Huwa kien jappoġġa t-tariffi, l-imposti, il-miżati fuq l-esportazzjoni, il-kwoti, l-embargoes, l-atti dwar in-navigazzjoni, il-kapital ta' investiment sussidjat, il-limiti massimu fuq il-pagi, l-għotjiet finanzjarji fi flus kontanti, il-monopolji tal-produtturi liċenzjati mill-istat u l-kartelli.

Kommemorazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

L-anniversarji tat-twelid ta' Linnaeus, speċjalment taċ-ċentenarji, ġew iċċelebrati bil-kbir. Linnaeus tfaċċa fuq bosta bolol postali u karti tal-flus tal-Iżvezja. Hemm bosta statwi ta' Linnaeus madwar id-dinja. Is-Soċjetà ta' Linneaus ta' Londra tat il-Medalja ta' Linnaeus għall-eċċellenza fil-botanika jew fiż-żooloġija mill-1888. Wara l-approvazzjoni mir-Riksdag tal-Iżvezja, l-Università ta' Växjö u l-Kulleġġ ta' Kalmar ġew fużi fl-1 ta' Jannar 2010 u saru l-Università ta' Linnaeus. Fost l-affarijiet mogħtija kunjom Linnaeus hemm il-ġeneru tal-fjura Linnaea, Linnaeosicyos (ġeneru monotipiku fil-familja tal-Cucurbitaceae).

Il-filosfu Jean-Jacques Rousseau darba kiteb dwar Linnaeus, "Ma nafx b'ebda raġel ikbar fid-Dinja". Johann Wolfgang von Goethe kiteb: "Bl-eċċezzjoni ta' William Shakespeare u Baruch Spinoza, ma nafx b'ħadd fost dawk li ma għadhomx ħajjin li influwenzani b'mod iktar qawwi". L-awtur Żvediż August Strindberg kiteb: "Linnaeus fil-verità kien poeta li inzerta li sar naturalista". Fl-awtobijografija tiegħu, ippubblikata mill-istudent tiegħu Adam Afzelius fl-1823, Linnaeus iddeskriva lilu nnifsu bħala xi ħadd li ma jargumentax, sensittiv, veloċi u mhux interessat fid-dehra personali tiegħu.

Fis-seklu 21, it-tassonomija ta' Linnæus tar-"razez" umani ġiet ikkritikata. Uħud isostnu li Linnæus kien wieħed mill-pijunieri tan-nozzjon psewdoxjentifika moderna tar-razziżmu xjentifiku, filwaqt li oħrajn isostnu li filwaqt li l-klassifikazzjoni tiegħu kienet ibbażata fuq l-isterjotipi, ma kinitx timplika li ċerti "razez" umani kienu superjuri.

Abbrevjazzjoni standard tal-awtur

[immodifika | immodifika s-sors]

L-abbrevjazzjoni standard tal-awtur L. tintuża biex tindika lil din il-persuna bħala l-awtur meta jiġi kkwotat isem botaniku.

  1. Calisher, C.H. (2007). "Taxonomy: what's in a name? Doesn't a rose by any other name smell as sweet?". Croatian Medical Journal. 48 (2): 268–270. PMC 2080517. PMID 17436393.