Aqbeż għall-kontentut

BirdLife International

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-logo ta' BirdLife International.

BirdLife International hija partenarjat globali ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi li jistinka favur il-konservazzjoni tal-għasafar u tal-ħabitats tagħhom.[1] Il-prijoritajiet ta' BirdLife International jinkludu l-prevenzjoni tal-estinzjoni tal-ispeċijiet tal-għasafar, l-identifikazzjoni u s-salvagwardja tas-siti importanti għall-għasafar, iż-żamma u r-restawr tal-ħabitats ewlenin tal-għasafar, u l-għoti tas-setgħa lill-konservazzjonisti madwar id-dinja.

Għandha membri li jammontaw għal 2.5 miljun ruħ imsieħba minn madwar 116-il organizzazzjoni nazzjonali, inkluż il-BirdLife Malta, is-Soċjetà Rjali għall-Protezzjoni tal-Għasafar, is-Soċjetà tal-Għasafar Selvaġġi tal-Ġappun, is-Soċjetà Nazzjonali ta' Audubon, u l-Entità Amerikana għall-Konservazzjoni tal-Għasafar.[2]

Uffiċjal tal-għassa tal-ICBP f'La Digue, is-Seychelles.

BirdLife International identifikat 13,000 Żona Importanti għall-Għasafar u għall-Bijodiversità u hija l-awtorità uffiċjali tal-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni fuq il-Lista l-Ħamra tan-Natura għall-għasafar.[3][4] Sal-2015, BirdLife International stabbiliet li 1,375 speċi ta' għasafar (13 % tat-total) huma mhedda bl-estinzjoni (f'periklu kritiku, fil-periklu jew vulnerabbli).[5] Fl-2025 BirdLife International adottat it-tassonomija globali tal-għasafar magħrufa bħala AviList.[6]

BirdLife International tippubblika rivista li toħroġ kull 3 xhur, BirdLife: The Magazine, bl-aħbarijiet reċenti u b'artikli awtorevoli dwar l-għasafar u l-konservazzjoni tagħhom,[7][8] u tippubblika l-ġurnal uffiċjali tagħha magħruf bħala Bird Conservation International flimkien mal-Istamperija tal-Università ta' Cambridge.[9]

BirdLife International ġiet stabbilita fl-1922 bħala l-Kunsill Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Għasafar mill-ornitologi Amerikani T. Gilbert Pearson u Jean Theodore Delacour. Il-grupp ingħata l-isem ġdid Kumitat Internazzjonali għall-Preservazzjoni tal-Għasafar fl-1928, Kunsill Internazzjonali għall-Preservazzjoni tal-Għasafar fl-1960 u BirdLife International fl-1993.[10]

Programmi globali

[immodifika | immodifika s-sors]

BirdLife International għandha disa' programmi ta' konservazzjoni implimentati madwar l-Afrika, l-Amerki, l-Asja, l-Ewropa u l-Asja Ċentrali, il-Lvant Nofsani u l-Paċifiku.[11] Il-programmi jipprovdu l-qafas għall-ippjanar, għall-implimentazzjoni, għall-monitoraġġ u għall-evalwazzjoni tax-xogħol ta' konservazzjoni, u jinkludu l-Programm taż-Żoni Importanti għall-Għasafar u għall-Bijodiversità,[12] il-Programm tal-Baħar,[13] il-Programm tal-Prevenzjoni tal-Estinzjonijiet,[14][15] u l-Programm tar-Rotot tal-Passa.[16]

Tismija mill-ġdid tal-Federazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi tat-Tajwan

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-2008, l-isem tal-Federazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi tat-Tajwan ingħata l-isem ġdid ta' Federazzjoni Ċiniża tal-Għasafar Selvaġġi sabiex ikun hemm konformità mat-talba ta' BirdLife International, li rriżultat mill-pressjoni mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.[17] Wara t-tneħħija tal-organizzazzjoni minn BirdLife International fl-2020, l-isem inbidel għal Federazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi tat-Tajwan (TWBF).[18][19]

Tneħħija tal-Federazzjoni Ċiniża tal-Għasafar Selvaġġi tat-Tajwan

[immodifika | immodifika s-sors]

F'Diċembru 2019, BirdLife International talbet lill-Federazzjoni Ċiniża tal-Għasafar Selvaġġi tat-Tajwan (CWBF) biex tindirizza l-kwistjonijiet li ġejjin biex ma tissograx it-tneħħija mill-programm ta' partenarjat:[20]

  1. L-isem Ċiniż tal-organizzazzjoni (biċ-Ċiniż: 中華民國野鳥學會, litteralment "Federazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi tar-Repubblika taċ-Ċina") joħloq riskju operazzjonali għal BirdLife International u għandu jinbidel.
  2. Is-CWBF kellha tiffirma dokument u timpenja ruħha formalment biex ma tippromwovix jew titkellem favur il-leġittimità tar-Repubblika taċ-Ċina (Tajwan).
  3. BirdLife International ma kinitx se tibqa' tipparteċipa f'xi avveniment relatat jew iffinanzjat, parzjalment jew kollu, mill-gvern tat-Tajwan jew mill-aġenziji tiegħu, u ma kinitx se tħalli l-użu tal-logo tagħha jiġi assoċjat ma' tali avvenimenti.
  4. BirdLife International ma kinitx se tħalli l-użu tal-isem jew tal-logo tagħha fi kwalunkwe dokument li fih il-bandiera, is-simboli jew l-emblemi tat-Tajwan.

Madankollu, BirdLife International iddikjarat li anke jekk is-CWBF tindirizza t-talbiet kollha tagħha, xorta waħda setgħet titneħħa mill-programm ta' partenarjat ta' BirdLife International. Fis-7 ta' Settembru 2020, qabel ma s-CWBF kellha l-opportunità li tiddiskuti t-talbiet ta' BirdLife International fil-laqgħa tal-Assemblea Ġenerali, il-Kunsill Globali ta' BirdLife International ivvota li jneħħi lis-CWBF mill-programm ta' partenarjat tiegħu.[21][22]

Il-Kap Eżekuttiv ta' BirdLife International Patricia Zurita sussegwentement ħarġet dak li Reuters iddeskriva bħala "sarima", bi struzzjonijiet biex il-persunal tagħha ma jikkummentax fil-pubbliku dwar "l-istqarrija sfurtunatament pubblika" tas-CWBF. Zurita kitbet, "Jekk tirċievu kwalunkwe mistoqsija rigward din il-kwistjoni, jekk jogħġobkom TIKKUMMENTAWX u minflok irreferu l-kwistjoni lili direttament".

Il-korrispondenza bejn is-CWBF u BirdLife International ġiet irrilaxxata mis-CWBF fid-19 ta' Settembru 2020 biex turi li s-CWBF kienet innegozjat b'rieda tajba qabel it-tneħħija tagħha u kienet lesta tiddiskuti t-tibdil tal-isem.[23]

  1. International, BirdLife. "BirdLife Partners" (bl-Ingliż). Miġbur 2026-05-24.
  2. "News". BirdLife International (bl-Ingliż). 2026-05-20. Miġbur 2026-05-24.
  3. "Biodiversity | IUCN". iucn.org (bl-Ingliż). 2026-05-22. Miġbur 2026-05-24.
  4. "Our Projects". BirdLife International (bl-Ingliż). 2026-04-02. Miġbur 2026-05-24.
  5. "Biodiversity | IUCN". iucn.org (bl-Ingliż). 2026-05-22. Miġbur 2026-05-24.
  6. "Taxonomy". BirdLife DataZone (bl-Ingliż). Miġbur 2026-05-24.
  7. "Join Us - World Bird Club". BirdLife International (bl-Ingliż). Miġbur 2026-05-24.
  8. "Magazine". BirdLife International (bl-Ingliż). Miġbur 2026-05-24.
  9. "About this journal". Cambridge Core (bl-Ingliż). Miġbur 2026-05-24.
  10. International, BirdLife. "Our History" (bl-Ingliż). Miġbur 2026-05-24.
  11. "Regions and Partners Landing Map". BirdLife International (bl-Ingliż). Miġbur 2026-05-24.
  12. Donald, Paul F.; Fishpool, Lincoln D. C.; Ajagbe, Ademola; Bennun, Leon A.; Bunting, Gill; Burfield, Ian J.; Butchart, Stuart H. M.; Capellan, Sofia; Crosby, Michael J.; Dias, Maria P.; Diaz, David (June 2019). "Important Bird and Biodiversity Areas (IBAs): the development and characteristics of a global inventory of key sites for biodiversity". Bird Conservation International. 29 (2): 177–198. doi:10.1017/S0959270918000102. ISSN 0959-2709.
  13. "New research shows sustainable fishing and conservation can coexist". MercoPress (bl-Ingliż). Miġbur 2026-05-24.
  14. Platt, John R. "Nextinction: Ralph Steadman Goes Gonzo for Endangered Birds". Scientific American (bl-Ingliż). Miġbur 2026-05-24.
  15. Frontlines, Conservation (2019-07-01). "New Partnership To Protect Underdog Species From Direct Threats - Four leading NGOs have joined forces through Restore Species to tackle illegal and unsustainable hunting & trade as well as poisoning of animal species worldwide" (bl-Ingliż). Miġbur 2026-05-24.
  16. "What Saudi Arabia, neighbors are doing to protect bird migratory routes in the Middle East". Arab News (bl-Ingliż). 2019-05-11. Miġbur 2026-05-24.
  17. "Chinese manipulation goes to the birds - Taipei Times". www.taipeitimes.com. 2008-09-14. Miġbur 2026-05-24.
  18. "Statement on Taiwan Wild Bird Federation Name Change and Clarifications on Removal from BirdLife International". 社團法人中華民國野鳥學會 (biċ-Ċiniż). 2020-09-24. Miġbur 2026-05-24.
  19. Staff, Reuters. "British charity flagged separatism concerns in Taiwan-China bird flap" (bl-Ingliż). Miġbur 2026-05-24.
  20. "Statement on the Removal of the Chinese Wild Bird Federation from BirdLife International". 社團法人中華民國野鳥學會 (biċ-Ċiniż). 2020-09-15. Miġbur 2026-05-24.
  21. "China's micro-aggressions against Taiwan have reached the world of birding". Quartz (bl-Ingliż). 2020-09-15. Miġbur 2026-05-24.
  22. Staff, Reuters. "Taiwan conservationists say kicked out of global bird group in China row" (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2020-09-17. Miġbur 2026-05-24.
  23. Davidson, Helen (2020-09-25). "Hawk or dove? Birdwatching world's feathers ruffled over Taiwan independence" (bl-Ingliż). Miġbur 2026-05-24.